Il-materjal li żżarma jinkludi 4,500 tunnellata ta’ ħadid, 250 tunnellata ta’ aluminium u 100 tunnellata ta’ ram.
Dan f’wegħda li qed tkompli titwettaq, biex din l-istruttura antika tiżżarma darba għal dejjem, u dan is-sit jiġi riġenerat.
Dalgħodu segwejna partijiet mit-twaqqigħ tal-binja tal-Power Station tal-Marsa – propju fejn kien hemm it-turbini. Xogħol li għaddej b’ritmu mgħaġġel u li qed isir f’konformità ma’ standards internazzjonali, inkluż ta’ sigurtà. Dan anke b’apparat li nġieb apposta minn barra minn xtutna – hekk kif ċertu apparat jiżen it-tunnellati.
Dan il-pass segwa dak li sar fit-tnax ta’ Marzu, meta l-Enemalta qatgħet l-aħħar cables li kienu jgħaqqdu l-Power station tal-Marsa mas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan wara li kienu diġà żżarmaw diversi boilers u turbini.
Issa jonqos biss li jiżżarmaw it-turbini numru 6 u 7, flimkien mal-boilers tagħhom. Żarmar ta’ boilers li diġà jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Intant, apparat li kien installat hawn fl-aħħar snin u għadu fi stat tajjeb ħafna, ma ntremiex imma qed jinżamm biex jintuża f’impjanti oħra fosthom ta’ Delimara.
Fl-istess waqt ħafna mill-materjal bħal ħadid, aluminium u ram qed jinħareġ b’mod ikkontrollat biex jiġi separat u esportat għar-riċiklaġġ.