Ta’ kuljum, fil-portijiet Maltin jidħlu għexieren ta’ vapuri li jkollhom bżonn l-assistenza ta’ Harbour Master – bil-Malti pilota tal-Port. B’kollox kull sena dawn il-piloti jdaħħlu madwar disat’elef vapur fil-Port il-Kbir, fil-Port ta’ Birżebbuġa u fil-port tal-Mġarr Għawdex.
Il-liġi Marittima titlob li biex jidħol ġo port, kull vapur li jiżen aktar minn ħames mitt tunnellata, irid jiġi mmanuvrat minn pilota tal-port.
Fuq il-baħar bejn Marsaxlokk u Birżebbuġa, il-pilota tal-port Marco Portelli spjega kif l-esperjenza tal-piloti lokali tassigura aktar sigurtà u effiċjenza fl-operat tal-portijiet Maltin.It-temp u l-qawwa tal-baħar huma fatturi li jistgħu jkunu ta’ sfida għal dawn il-piloti; li bl-għajnuna tal-ekwipaġġ tal-laneċ, joħorġu f’kull kundizzjoni tal-baħar biex jipprovdu s-servizz lill-bastimenti, u l-portijiet jibqgħu joperaw.
Portelli spjega li minħabba d-daqs dejjem jikber tal-vapuri, l-ispazju fil-portijiet kull ma jmur qed jiċkien. Minħabba dan il-fatt, il-piloti jkollhom bżonn is-servizz tat-tug boats biex jassistu u jiffaċilitaw l-immanuvrar tal-bastimenti.