Għat-tieni ġimgħa eluf ħarġu jipprotestaw f’bosta bliet madwar il-Polonja – pajjiż fejn l-abort huwa strettament projbit ħlief f’eċċezzjonijiet żgħar – wara li Dorota Lalik, ta’ 33 sena, sfat is-seba’ vittma ta’ ċirkustanzi fejn it-tobba ma intervjenewx biex jitterminaw tqala b’kumplikazzjonijiet. Kaġun ta# hekk, il-mara tilfet ħajjitha.
Dawn il-protesti qed jappellaw għal tibdiliet fil-liġijiet Pollakki biex ħadd iktar ma jitlef ħajtu f’każijiet bħal dawn.
Qed jiġi rrappurtat fil-midja li, wara li fl-2021 il-gvern Pollakk issikka saħansitra aktar ir-restrizzjonijiet fuq it-terminazzjoni tat-tqala, il-professjonisti mediċi qed joqogħdu aktar lura minn qatt qabel f’każ ta’ kumplikazzjonijiet, bir-riżultat li saħħet u ħajjet nisa tqal qed titpoġġa fil-periklu.
Fid-dawl ta’ din l-aħħar mewta, l-awtoritajiet fil-Polonja ħatru kumitat biex ifassal linji gwida aktar dettaljati għall-isptarijiet rigward it-terminazzjoni tat-tqala.
Dorota mietet fl-24 ta’ Mejju minħabba li t-tim mediku qgħad jistenna li l-fetu jmut waħdu qabel jintervjeni. Hija kienet waslet fil-ħames xahar tat-tqala tagħha meta ddaħħlet l-isptar f’Nowy Targ, fin-naħa t’isfel tal-pajjiż.
Tlett ijiem wara li ddaħħlet l-isptar, hija mietet meta l-organi tagħha ċedew kaġun ta’ sepsi, meta l-ġisem jirrispondi għal infezzjoni b’mod qawwi ħafna u li jhedded il-ħajja tiegħu stess.
L-awtoritajiet Pollakki qalu li, f’dan il-każ, id-drittijiet tal-mara nkisru. Qalu wkoll li l-abort jista’ jsir f’ċirkustanzi meta jkunu f’riskju l-ħajja jew is-saħħa tal-mara.
“Kwalunkwe mara li saħħitha jew ħajjitha jkunu fil-periklu fi kwalunkwe mument waqt it-tqala tagħha għandha d-dritt li titterminaha,” qal il-Ministru tas-Saħħa Pollakk, Adam Niedzielski, wara li l-awtoritajiet fetħu investigazzjoni biex jiġu mistħarrġin iċ-ċirkustanzi tal-mewt ta’ Dorota.