Wara t-tluq ta’ Michael Piccinino minn Segretarju Ġenerali, li kif konna żvelajna kellu jitqaċċat wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, issa qalaha James Aaron Ellul, id-Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Ellul tneħħa mill-kariga u tpoġġa librar fid-Dar Ċentrali kif qalet stqarrija stess tal-Partit Nazzjonalista bi kliem aktar mimli żelu.
Floku laħaq Nathaniel Attard, eks Kap tal-aħbarijiet tan-NET, Nathaniel Attard li issa qal lil kulħadd li spiċċa mill-BirdLife u se jerġa’ jmur jaħdem mal-Partit Nazzjonalista.
Attard ħadem mill-qrib ma’ nies bħal Joe Saliba u Richard Cachia Caruana, it-tnejn għadhom iħufu fid-deċiżjonijiet li jieħdu ma’ Lawrence Gonzi mbagħad jidher Bernard Grech.
Fil-fatt is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li għal darba oħra reġa’ seħħ il-każ li Claudio Grech u klikek differenti imponew fuq Bernard Grech.
“Iż-żiemel tiegħu u jirkeb wara”, qalulna l-istess sorsi li nnutaw kif Grech kien kostrett jarmi kemm lil Piccinino u issa lil Ellul.
Piccinino qal li qed jitlaq għax se jkun kandidat iżda kif ilu żvelat, hu kellu jitqaċċat wara Ġunju, kif fil-fatt ġara.
Intant wara li żvelajna l-isem ta’ Marthese Portelli, li warajha kien hemm Claudio Grech, il-filjozz ta’ Austin Gatt, Portelli kienet kostretta li tiċħad.
Dan il-fatt wassal biex l-eks Deputat Nazzjonalista ta’ żmien GonziPN Karl Gouder issaħħaħ iċ-ċans tiegħu biex ikun hu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Miegħu fit-tellieqa hemm Edward Debono, li dan l-aħħar ħa aktar viżibiltà wara l-Kap bħala l-Avukat tiegħu li fetaħ kawża biex ifittex personalment nies fiċ-ċivil u lil Chris Fearne fuq il-ftehim tal-isptarijiet.
Kawża li fil-fatt tilef u baqa’ jippersisti biha kontra deċiżjoni tal-Qorti.
Claudio Grech u Deputati bħal Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami huma l-aktar li għandhom il-kelma f’dak kollu li se jiġri fl-għażla tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid wara li tneħħa Michael Piccinino.
Meta ssemmiet Marthese Portelli, qamu l-irwiefen fid-Dar Ċentrali, b’uħud ifakkru kif fil-mument tal-prova din żarmat u telqet bla kliem u bla sliem.
Is-sorsi tagħna fl-istamperija mbagħad qalulna li Karl Gouder min-naħa l-oħra qed jingħad li huwa leali lejn min dejjem jiġbed l-ispag fil-Partit Nazzjonalista u meqjus bħala l-aktar “safe”.
L-istess sorsi qalulna li hu żgur li hemm mat-tliet fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista jiddettaw lill-Kap Bernard Grech u l-uniku ħaġa li tgħaqqadhom hi li lkoll qaċċtu lil Adrian Delia u ma jridu qatt li xi darba oħra Delia jew xi ħadd minn tiegħu, bħal Alex Borg, jieħu lura f’idejh il-partit.