Fil-Partit Nazzjonalista hemm problema ta’ prijoritajiet fejn il-partit f’tal-Pietà qed jaħrab mill-vera problemi li għandu.
Saħaq dan l-eks kandidat Nazzjonalista u llum kunsillier fil-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista Wayne Hewitt fuq ix-xandir tal-istat, waqt programm li kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
Hewitt saħaq li huwa inutli li l-partit ta’ Adrian Delia jagħmel statut ġdid meta għandek kap diviżiv u sitwazzjoni finanzjarja mwergħa.
“L-ewwel prijorità hija s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista. Naħseb inutli jkollok statut qabel ma inti jkollok finanzi li huma fis-sod u t-tieni problema hija iktar kontroversjali hija l-issue tal-Kap. Ovvjament sakemm ikollok Kap illi huwa, taqbel jew ma taqbilx miegħu, li huwa figura diviżiva fil-Partit Nazzjonalista, inutli jkollok statut.”
Hewitt saħaq li l-bidla fl-istatut li għamel il-Partit Nazzjonalista kien eżerċizzju kożmetiku.
“Jien għalija l-istatut, at this point in time, huwa sempliċiment eżerċizzju kożmetiku. Bħalma sfortunatament jiġri spiss fil-Partit Nazzjonalista we beat around the bush u ma mmorrux direttament għall-problema.”
Il-kunsillier Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista spiċċa jiddibatti fuq l-isem tal-partit u l-motto li ried Louis Galea.
Dan fil-fatt kien sors ġdid ta’ ġlied u firda fost il-fazzjonijiet li hemm fil-partit tal-maduma.
“Jiena nitbissem nara lill-partit pereżempju jiddiskuti fuq l-isem tal-partit u joqgħod jiddibatti fuq il-motto tal-partit.”
Lil Zammit Dimech, deputat Nazzjonalista tat-tmeninijiet, Wayne Hewitt qallu li partit fallut, l-inqas li għandu fuqxiex ikun moħħu hu fuq l-isem u l-motto tal-partit.
“Qisek għandek. Taf x’nimmaġina, Brian, Francis? Nimmaġina li għandek CEO ta’ kumpanija, kumpanija illi hija, ejja ngħidu hekk, kieku l-Partit Nazzjonalista kien kumpanija, kien ikun kumpanija falluta finanzjarjament, prattikament u għandek il-likwidatur tal-kumpanija, ġej qisu any day dan. Jiġifieri llum jew għada jiġi l-likwidatur u jagħlaqlek il-kumpanija. Imbagħad ikollok is-CEO tal-kumpanija jinkwieta fuq l-isem tal-partit u l-motto tal-partit. Hemm problema ta’ prijoritajiet.”
Lil Francis Zammit Dimech, li sejjaħ lil Adrian Delia bħala asset għall-Partit Nazzjonalista, Wayne Hewitt għaddielu botta f’atmosfera ta’ firda u ġlied intern li ma jrid jieqaf qatt fil-Partit Nazzjonalista.
“Imma n-nies meta ħa jiġu jivvutaw, onestament Francis jaħseb illi f’Adrian Delia qed jaraw alternattiva li jgħaddu r-Robert Abela!”