Sabiħa d-diska. Mingħalija ta’ Enzo Gusman. Ftakart f’din id-diska wara li rajt stqarrija ta’ ħu Chris Said. Donnu qed jiddejjaq naqra. Qed jistħi.
In-nies fuq iz-zuntier tal-Knisja qed jitkellmu imma mhux fuq il-midalji li ħadu, qed jitkellmu fuq il-ħnizrijiet tal-Ganga. Qed jitkellmu fuq il-Ganga Styles.
Is-Sindku tan-Nadur ikanta l-vers ‘fil-Pjazza tar-Raħal tagħna’ u ħuħ l-ieħor ikanta ‘nirringrazzja lil Mulej (li ħija) għadu għaddej.’(Bir-rima wkoll). Għax jekk jieqaf ħuħ daqshekk jieħu xogħol. Ħu Chris Said, maqbud f’morsa ta’ paniku qed jitlef il-beat imma. Għax kif tista’ tigdeb jekk kollox qiegħed iswed fuq l-abjad?
- Jiċħad li bejn l-2013 u April li għadda ħuħ l-ieħor ħa mal-139 biċċa xogħol?
- Jiċħad li l-kumpanija tal-familja ħadet Direct Orders?
- Jiċħad li ħuħ l-ieħor jew hu, waqt li servew bħala Sindki ċċertifikaw ix-xogħol ta’ ħuhom stess?
- Jiċħad li minkejja li suppost bil-liġi kellu jitwaqqaf kumitat dwar finanzi, dan għadu ma sarx?
- X’inhi r-raġuni?
- Jiċħad li ngħataw xogħolijiet lil kumpanija hija struck off?
- Hija din il-governanza tajba li jitkellem tant Simon Busuttil fuqha?
Dalgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni beda jitkellem fuq il-biża’. Ħabbat tajjeb li qajjem din il-materja, għax jidher ċar li huwa mwerwer milli jieħu azzjoni fuq tal-Ganga. X’hemm differenti bejn Chris Said u Giovanna Debono? Qed jinduna l-Kap tal-Oppożizzjoni li kull kelma li qal, waqgħet agħar minn Kastel mibni fuq ir-ramel wara li jintlaqat?
Simon Busuttil qed jibqa’ jiddefendi lil min intervjena direttament minn fuq bordijiet, lil min qrabatu taw xogħol lil ħuhom l-ieħor, lil min iċ-ċertifikazzjoni jagħmluha ħutu stess, lil minn qas l-awditur ma emmnu, min alloka fondi meta flus ma kienx hemm, lil min bħalu flok mar għand il-Pulizija baqa’ jostor lil min kien involut f’każ li llum qiegħed il-Qorti.
L-aħwa Said sew jekk ikantaw Gangnam Style jew inkella d-diska ta’ Enzo jagħmlu tajjeb jindunaw li xi darba jew oħra kull diska tintefa u tispiċċa.