“Meta ssir applikazzjoni ta’ mwejjed u siġġijiet, jistgħu jsiru biss quddiem l-istabbiliment li jkun qed japplika għalihom. Jiġifieri minn appoġġ għall-ieħor. Jekk ikun hemm postijiet residenzjali ma tistax taqbad u tarma siġġijiet u mhux se jingħata permess mill-Awtorità tal-Ippjanar”.
Dan kien kliem Kevin Fsadni, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li kienet responsabbli mit-twettiq tal-proġett ta’ tisbiħ fil-Pjazza tal-Mellieħa, li ġiet inawgurata f’Settembru tas-sena li għaddiet.
Hu indika, b’mod ċar u skjett, li mhux se jkun ittollerat li jitqegħdu xi mwejjed jew siġġijiet quddiem residenzi privati.
Il-masterplan għall-pjazza f’dan ir-raħal pittoresk, li ngħatat dehra xierqa li tikkumplimenta l-qalba storika wara investiment ta’ żewġ miljun ewro, għandu l-għan li jżid il-valur tal-lokalità għat-turiżmu domestiku.
Sussegwentement, ir-riġinerazzjoni tal-pjazza wasslet ukoll biex tiġbed iżjed negozji differenti fl-akwati, biex b’hekk inħoloq dan il-masterplan.
Qal, “Applikazzjoni ta’ masterplan ta’ kif għandhom jitqassmu l-imwejjed u s-siġġijiet u l-parkeġġ fl-użu tal-pjazza. Dan hu att amministrattiv, mhux proposta ta’ kif għandha tiġi mqassma l-pjazza, imma hi proposta ta’ linji parametri jekk japplikaw anke fil-futur stabbilimenti ġodda, jistabbilixxu parametri li dawn ma jistgħux jinqabżu”.
B’hekk, il-pjan jara li f’din il-pjazza ikun hemm żoni speċifiċi fejn wieħed jista’ jipparkja l-karozza, kif ukoll żoni li fihom ma jista’ jkun hemm l-ebda mejda u siġġu, għax ikunu qed jidħlu f’żoni fejn fihom joqogħdu r-residenti.
Min-naħa tiegħu, il-perit wara l-proġett tal-pjazza, Roderick Spiteri, qalilna li dan il-pjan b’hekk joħloq organizzazzjoni u bilanċ. Minbarra hekk, il-pjan jaħseb ukoll għall-futur.
Stqarr, “Jekk se jinfetħu businesses ġodda, li l-Pjazza tal-Mellieħa tagħti lok, dan il-business ikollu spazju allokat għalih. Dan qed ngħiduh, għax wieħed hekk ma jistax jivvinta area fejn iqiegħed l-imwejjed u siġġijiet, iżda din l-area tkun antiċipata biex kemm jista’ jkun hemm kontroll.”
Wieħed irid iżomm f’moħħu li, fejn fil-preżent hemm djar privati, dawn mhux se jkollhom l-ebda siġġu u mwejjed quddiemhom. Iżda fl-eventwalità li dawn id-djar jinqalbu għal postijiet kummerċjali, dawn se jkollhom kollox diġà mfassal.
Il-Perit Spiteri qasam ukoll il-ħsibijiet tiegħu dwar il-futur ta’ din il-pjazza.
Stqarr, “Għandna nikkunsidraw li din il-pjazza, flok tibqa’ area ta’ parkeġġ, għandha tkun pedestrian, fl-opinjoni tiegħi. Però din hi xi ħaġa li wieħed irid jiddiskutiha mal-Kusill Lokali ukoll man-nies. Imma ejja nipprovaw naraw li l-pjazez tagħna mhux ikunu għall-karozzi, iżda jkunu aktar għan-nies.”