Raġel, li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa sofra minn ġrieħi serji wara li nqabad f’makkinarju li kien qed jaħdem bih f’impjant fiż-Żurrieq.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar, f’impjant fi Triq il-Belt Valletta, fiż-Żurrieq.
Fuq il-post marru l-Pulizija, flimkien ma’ tim tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura.
Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.