Raġel ta’ 67 sena mill-Irlanda jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karazzo fi Triq Windsor f’Tas-Sliema.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.00 a.m. meta l-vittma ntlaqat minn karozza tal-għamla Smart misjuqa minn raġel ta’ 30 sena mill-Mosta. Sorsi qrib l-invesitgazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw ma’ one.com.mt li ż-żagħżugħ m’għaddiex mit-test tan-nifs minħabba l-livell għoli ta’ alkoħol li kellu fid-demm.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel ta’ 67 sena l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Dr. C. Farruġia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-Inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.