Raġel ta’ 33 sena u li jgħix Bormla jinsab arrestat b’rabta ma’ allegat aggressjoni li ħalliet raġel fil-periklu tal-mewt wara li qala’ daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ dalgħodu, xħin il-vittma, mimli demm, daħal fl-Għassa ta’ Bormla, fejn stqarr li kien għadu kif ġie aggredit.
Minnufih intalbet l-assistenza medika, fejn huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-allegat aggressjoni saret f’residenza fi Triq il-Madonna tal-Grazzja, Bormla.
Il-Pulizija marret fuq il-post fejn hemmhekk sabet lill-allegat aggressur. Huwa ġie arrestat u qiegħed jinżamm għal aktar investigazzjonijiet.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella li fetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.