Raġel ta’ 29 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kmieni dalgħodu ttajjar minn żewġ karozzi fil-Ħamrun.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.10am tas-Sibt, meta l-vittma, li huwa min-Norveġja, intlaqat minn karozza tat-tip Peugeot 607 misjuqa minn raġel ta’ 40 sena miż-Żurrieq.
Jidher li waqt li l-vittma kien mal-art, u s-sewwieq prova jċempel għall-għajnuna, il-vittma ntlaqat minn karozza oħra tat-tip Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 31 sena mill-Belt Valletta.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma tim ta’ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li ħarġu lir-raġel minn taħt il-karozza u ħaduh l-isptar għall-kura. Huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji f’rasu u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr V. Axiak, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.