Żagħżugħ ta’ 17-il sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’argument ma’ żagħżugħ ieħor barra stabbiliment tad-divertiment f’Ta’ Qali limiti ta’ Ħ’Attard.
Dan ħareġ minn stqarrija mill-Pulizija hekk kif ġie spjegat li l-każ seħħ kmieni l-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tal-erbgħa u nofs.
Mal-mument li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha hija marret fuq il-post fejn minn investigazzjonijiet premliminari rriżulta li żewġ Franċiżi ta’ 17 u 18-il sena kienu involuti f’argument barra stabbiliment tad-divertiment ma’ grupp ta’ persuni oħra u sofrew xi ġrieħi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadithom l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Aktar tard, il-ġuvni ta’ 17-il sena ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji filwaqt li l-kundizzjoni tal-ġuvni l-ieħor għadha pendenti.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Noel Bartolo li fetaħ inkjesta filwaqt li lPulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.