Dinjità u kuraġġ – b’dawn it-tnejn, Malta qed titratta l-problema tal-immigrazzjoni irregolari.
Qal dan Martin Schulz fil-Paralament Malti, li għal darb’oħra qal li ċ-ċokon ta’ bħal Malta ma jfisser xejn, anzi jfisser li se nkunu aktar preparati.
Schulz tenna għal darba darbtejn ir-rispett tiegħu lejn it-tmexxija Maltija u qal li pajjiżna preparat bl-aqwa mod għas-sitt xhur li ġejjin. “I never in my term was invited to a plenary session at the beginning of a presidency. This is a good signal, a symbol that you are committed”.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li hemm bżonn li l-biża’ u l-inċertezza li tinħass bħalissa fl-Ewropa hemm bżonn ikunu indirizzati. Paċi, sigurtà u prosperità, minn naħa l-oħra, huma oqsma fejn il-proġett Ewropew huwa suċċess.
Għalaq din is-sessjoni parlamentari speċjali, il-Prim Ministru Joseph Muscat li qal li tul il-Presidenza, Malta se tkun kapaċi tadotta politika innovattiva. “Nagħmilha ċara, li waqt il-Presidenza, pajjiżna mhux se jsolvi l-problemi kollha li għandha l-Ewropa iżda se jkun qed jimbotta ‘l quddiem politika mhux mainstream u li kulħadd juża”, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru enfasizza fuq il-bżonn li jsir progress fil-qasam tal-immigrazzjoni. Spjega kif l-ewwel żerriegħa ntefgħet fil-Valletta Summit u semma l-bżonn ta’ pjan t’għajnuna għal Afrika. “Bit-tajjeb u l-ħażin, ħalissa jekk hemm pjan li għadu qed iżomm fil-wiċċ huwa dak mat-Turkija. Mal-Afrika jeħtieġ ikollna xi ħaġa simili biex nindirizzaw il-kriżi umanitarja”, sostna Joseph Muscat.