Malta tista’ tħoss x’inhu għaddej fl-Ukrajna bħalissa, billi tiftakar fir-reżiljenza tal-poplu Malti matul it-Tieni Gwerra Dinjija, tmenin sena ilu.
Dan qalu l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, it-Tlieta wara nofsinhar, meta indirizza l-Parlament Malti permezz ta’ messaġġ virtwali.
Il-President Ukren fakkar li pajjiżu għaddej minn gwerra qalila li qed taffettwa l-futur tal-Ewropa. Huwa qal li r-reżiljenza tal-poplu Malti matul il-gwerra ta’ tmenin sena ilu affettwat il-politika, kemm tal-Mediterran kif ukoll tal-Ewropa.
Il-President Ukren qal li l-gwerra għal darba oħra se tkun qed taffettwa l-futur tal-Ewropa.
Il-President Ukren qal, “So the resilience and resistance of Malta, 1940 to 1942, defined the future of Europe, the same way of resilience and strength of our people, not the members of the Russian Duma, but ordinary rank and file and resilient people decided whether freedom will win again on our territory and our continent in combatting tyranny.”
Il-President Ukren qal li s’issa, matul din l-invażjoni Russa, inqatlu iżjed minn mitejn u għoxrin tifel u tifla u eluf ta’ adulti Ukreni. Semma kif huwa stmat li tnax-il miljun ruħ spiċċaw bla saqaf fuq rashom, filwaqt li madwar ħames miljun persuna oħra ħarbu mill-Ukrajna.
Zelensky qal li pajjiżu għaddej minn bumbardament sħiħ, fosthom fil-belt ta’ Mariupol, fejn madwar disgħin fil-mija tal-bini inqered. Tkellem ukoll dwar kif, fil-belt ta’ Odessa, matul il-jum tat-Tnejn kien hemm ħamsa u għoxrin missila sparata lejn din il-belt.
Zelensky irrefera għal kif il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, kellu jistenn mill-attakki waqt laqgħa mal-Prim Ministru Ukren f’din il-belt.
Huwa appella biex Malta, flimkien mal-bqija tal-Unjoni Ewropea, tieħu iżjed passi, speċjalment b’sanzjonijiet fuq iż-żejt mir-Russja.
Zelensky esprima t-tama tiegħu għal iżjed kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea.
Huwa stqarr, “And I am grateful for your decision that you had already made, and future decisions, in support of the protection of Europe and I look forward to more cooperation on EU level, when Ukraine would have a candidate status and then fully flagged membership in the European Union. I do count on your support and thank you so much for this opportunity.”