Il-Ġimgħa waranofsinhar kompla d-dibattitu Parlamentari, b’rabta mar-rapport tal-inkjesta Sofia.
Il-Ministru responsabbli mill-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi ddikkjara li hu ta l-informazzjoni kollha mitluba lilu fix-xhieda tiegħu, u nnota kemm kienet importanti r-riforma li saret fil-liċenzjar tal-Kuntratturi.
“L-ewwel inizjattiva u fil-fatt hija l-ewwel rakkomandazzjoni li semmi din l-inkjesta propju tgħid kemm kien għaqli li fl-aħħar hemm liċenzja tal-kuntratturi.”
Zrinzo Azzopardi kkumpara l-implimentazzjoni fil-qasam fl-aħħar xhur ma’ dak fis-snin elfejn, meta fi żmien amministazzjoni Nazzjonalista, rakkomandazzjonijiet wara inkjesta maġisterjali ġew injorati għal kollox.
Huwa nnota wkoll kif l-infurzar kompla jiżdied b’mod partikolari dak li tagħmel l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.
Il-Ministru għall-Ippjanar, Clint Camilleri stqarr kif il-Gvern jinsab determinat li jagħmel ir-riforma meħtieġa fis-settur tal-kostruzzjoni biex anki sservi ta’ ġustizzja ħolistika.
“Ninsabu determinati li nwettqu dawn il-bidliet li se jingħaqdu u jiżdiedu wkoll mal-bidla li diġà bdejna f’dan l-istess settur.”
Hawnhekk, il-Ministru Camilleri elenka numru ta’ inizjattivi li diġà ttieħdu mill-Gvern li jikkumplimentaw dak li jgħidu r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett tenna kif l-għan tal-gvern huwa li jwettaq bidliet kuraġġjużi li se jkunu xprunati minn djalogu ma’ kulħadd.
“Għalhekk Mr Speaker nemmen li din il-ġrajja toffri mhux biss mument ta’ riflessjoni imma pedament b’saħħtu li biha ser nagħmlu riformi kbar u b’saħħithom li ħadd f’ħamsin sena ma’ kellu l-kuraġġ illi jwettaq.”
Bonett ħeġġeġ lid-diversi msieħba fis-settur biex jipparteċipaw bis-sħiħ bil-għan li s-settur jaħdem bl-akbar serjetà.
Fis-sessjoni tal-Ħamis filgħaxija, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, siltet tliet punti mill-inkjesta li se jkunu ta’ benefiċċju għall-pubbliku inġenerali.
“Fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern se jagħmel il-parti tiegħu u jistenna l-kooperazzjoni sħiħa tas-settur inkluż mill-għaqdiet u assoċjazzjonijiet li b’mod jew ieħor imissu ma’ din l-industrija biex ir-riformi meħtieġa jitwettqu fl-iqsar żmien possibbli.”