Fil-Parlament ngħataw il-kondoljanzi lid-Deputat tal-Gvern, Deo Debattista għat-telfa ta’ missieru, John Debattista, li ħalla din id-dinja nhar l-14 ta’ Frar li għadda.
F’isem il-Gvern, il-kondoljanzi għaddihom id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, li fakkar is-sens ta’ umoriżmu li wera s-Sur Debattista meta darba ltaqa’ miegħu waqt li kien rikoverat l-isptar kważi erba’ snin ilu.
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li missier l-Onorevoli Debattista, dulċier prim, kien raġel li xtaq lil uliedu jirnexxu f’dak kollu li jagħmlu u, fil-fatt, dan irnexxielu jagħmlu b’suċċess.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll għadda l-kondoljanzi tiegħu, f’isem l-Oppożizzjoni.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Deo Debattista għadda wkoll messaġġ ta’ ringrazzjament lil kull min wera s-simpatija tiegħu f’dan il-mument. Qal ukoll li hu kburi b’dak li kien kapaċi jagħmel missieru, li bis-sempliċità tiegħu rnexxielu jrabbi lilu u lil ħuh b’valuri sodi.