Fil-Parlament, it-Tlieta kompliet id-diskussjoni dwar l-emenda fil-Kodiċi Kriminali sabiex jiġu kkjarifikati l-parametri fil-Kodiċi Kriminali li għandhom japplikaw għal ċirkostanzi ta’ neċessità fejn ikun meħtieġ intervent mediku biex tkun protetta l-ħajja u s-saħħa ta’ mara tqila li jkollha kumplikazzjoni medika.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ġab diversi eżempji minn barra minn xtutna li l-emenda li qed jipproponi l-Gvern se tkun qed tindirizza każijiet bħalhom f’Malta.
Il-Ministru Bonnici rrimarka li din hija diskussjoni delikata u esprima d-diżappunt tiegħu għall-insensittività li xi wħud qed jitkellmu biha fir-rigward ta’ din l-emenda.
Fil-Parlament huwa stqarr li din l-emenda hija waħda umana u li tħares is-saħħa tal-mara li tkun f’qagħda ta’ saħħa gravi.
“Din hi liġi importanti immens li se timmarka kemm aħna disposti li, flok għall-assolutiżmu, immorru għall-umanità, kemm aħna disposti li flok għad-dommatiżmu mmorru għall-ħarsien veru tas-saħħa tal-mara, kemm aħna disposti li jkollna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet li huma sewwa.”
Huwa qal ukoll li din l-emenda hi intiża biex tagħmel il-ġid u hu kruċjali li ma tiġix abbużata.
Tkellmet ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, li rreferiet għan-nuqqas ta’ maturità li biha qed jitkellmu dwar l-emenda wħud mill-Oppożizzjoni, inkluż il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Għaldaqstant, hija appellat għal aktar diskussjoni matura u barra minn hekk, biex tkompli tinxtered il-verità dwar il-prinċipju tal-emenda.
“Kull fejn it-tqala tista’ tkun suċċess u fejn nistgħu nsalvaw lit-tnejn, sew lil omm u anki l-fetu, insalvawhom it-tnejn li huma. Imma f’każi fejn nafu li jistgħu jmutu t-tnejn jew kumplikazzjoni ġġib ħajjet il-mara fil-periklu, naġixxu biex insalvaw saħħet il-mara.”
Dalli fakkret ukoll kif, permezz tal-emenda li qed tiġi diskussa, l-abort se jibqa’ illegali, bil-maqlub ta’ dak li jrid jagħti l-impressjoni min qed jirrikorri għal retorika ta’ ingann.