Fil-Parlament l-Ispeaker Anġlu Farrugia kellu jfakkar lill-Oppożizzjoni li ma tistax tressaq hi l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi għax hija l-prerogattiva tal-Gvern li jfassal l-ordnijiet tal-ġurnata u ppropona li fil-futur qrib ikun hemm regolamentazzjoni aktar feliċi ta’ kif jitmexxa l-Parlament.
Dr Farrugia kien qed jagħti ruling mitlub mill-whip tal-oppożizzjoni David Agius li oġġezzjona li kien għadu bla tweġiba mill-whip tal-Gvern jekk setgħux jgħaddu l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi dwar ġustizzja mressaq minn Jason Azzopardi.
L-abbozz ta’ liġi jitratta kawża kostituzzjonali pendenti li qiegħda għas-sentenza li se tingħata fid-29 ta’ Settembru.
Il-Ministru Owen Bonniċi qal li l-Qorti Kostituzzjonali għandha d-dritt tagħti diversi direttivi. Huwa appella lill-Oppożizzjoni biex tieqaf tgħid li l-gvern qed jipperpetwa inġustizzja u fl-istess ħin tħalli lill-Qorti tagħti d-deċizjoni tagħha mingħajr pressjoni żejda.