L-Ewroparlamentari Miriam Dalli għal darb’oħra ddefendiet lil Malta fil-Parlament Ewropew waqt dibattitu mqanqal li seħħ illejla dwar ir-rule of law f’Malta u l-iSlovakkja.
“Għalijja pajjiżi u n-nies tiegħu huma l-aktar ħaġa importanti iżda nhar il-Ħamis dan il-parlament se jintalab jivvota fuq riżoluzzjoni li tagħti l-impressjoni li dan hu xi pajjiż li ma jinteressahx mis-saltna tad-dritt,” qalet Miriam Dalli.
“L-ironija hi li filwaqt li dan il-Parlament Ewropew qed jiffoka fuq Malta, f’Malta għandna Gvern li llum stess, u f’anqas minn 100 jum, qed iressaq emendi fil-Parlament fuq il-parir tal-Kummissjoni Venezja biex jirriforma l-liġijiet.”
L-MEP tal-Partit Laburista indirizzat ukoll lill-Kummissarju Ewropea Vera Jourová, fejn fakkritha f’ittra li l-Gvern Malti bagħtilha dwar riformi fil-qasam ġudizzjarju li l-Gvern jaqbel magħhom u li Jurova lanqas biss irreferiet għalihom.
Tul id-dibattitu, Miriam Dalli insistiet li r-riżoluzzjoni jmissha wkoll tagħmel referenza għat-tibdiliet li qed jagħmel il-Gvern Malti filwaqt illi sfidat lill-MEP Ana Gomes tkun ċara fi kliemha u dan wara li Gomes ma riditx tirrikonoxxi r-riformi pożittivi li qed jagħmel dan il-Gvern.