B’investiment ta’ mitejn u ħamsin elf ewro, tlestiet l-ewwel fażi ta’ xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn.
Id-Direttur ta’ Parks Malta, Adrian Attard stqarr li s-sostenibilità, ingħatat ħafna importanza u għalhekk Parks Malta rat kif tista ttejjeb il-ħażna tal-ilma.
Fost l-oħrajn, għall-ewwel darba, il-funtana f’dan il-park se tinxtegħel b’dawl iġġenerat minn enerġija nadifa.
Qal, “Rajna li dan il-park irid ikun sostennibbli. Fil-fatt għamilna manutenzjoni kbira biex naraw u nassiguraw li l-ħażna tal-ilma tax-xita tkun qed timtela f’dan il-ġibjun. B’hekk ukoll xogħol intensiv u estensiv biex naraw illi s-sistema tal-ilma tkun tajba sabiex il-funtana tkun tista’ tkun operabbli.”
F’din il-fażi, sar ukoll xogħol fuq l-istrutturi tal-logħob li jintużaw mit-tfal, li kienu ġarrbu ħsarat f’att vandalu.
Tpoġġew ukoll ħmistax-il saqaf li se joffru kenn lill-istrutturi, filwaqt li tjiebet is-sistema ta’ sorveljanza permezz ta’ tlieta u għoxrin kamera ġdida.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli stqarret li bosta familji jmorru f’dan il-park bil-klieb tagħhom u għalhekk, saret ukoll rilokazzjoni taż-żona ddedikata għall-klieb fejn bi spazju ta’ tmien mitt metru kwadru, se jkun hemm żoni differenti kemm għall-klieb kbar kif ukoll għall-klieb żgħar.
Dan l-ispazju huwa mgħammar b’dawl apposta, servizz tal-ilma, bankijiet u logħob magħmul minn materjal riċiklabbli.
Spejgat, “Rajna li matul ix-xhur tas-sajf Parks Malta tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni biex issa la darba tibda l-iskola u l-familji jerġgħu jibdew ifittxu l-parks, dan il-park ikun fl-aħjar stat.”