Bi ħsieb li jaqtalha rasha u jserraħ ras ir-residenti tal-Munxar, il-Kunsill Lokali Għawdxi saħaq li huwa kontra xi proġett li jista’ jkun propost għall-iproċessar tad-demel tal-bhejjem.
Aktar kmieni l-Ministeru għal Għawdex wieġeb għal rapport li għamlet il-midja tal-Partit Nazzjonalista dwar li fil-Munxar beda jopera xi impjant tar-riċiklaġġ tad-demel.
L-istqarrija tal-Ministeru għal Għawdex xejnet għal kollox dan ir-rapport u qalet li din hija aħbar falza.
Il-Ministeru spjega li sa issa jeżisti biss interess mis-settur privat biex issir riċerka fuq soluzzjoni għall-isfida ambjentali li teżisti bl-ammont ta’ ħama mid-demel iġġenerat f’pajjiżna, b’mod partikolari f’Għawdex.
“Naturalment kull proġett ta’ dan it-tip irid jgħaddi mill-proċess indipendenti tal-ippjanar”, saħaq il-Ministeru għal Għawdex li jrid ukoll jiddefendi l-interessi tar-residenti mill-Munxar.
Fil-gżira tat-tlett għoljiet l-ammont ta’ ħama mid-demel huwa ogħla mill-medja nazzjonali u m’hemmx fejn ir-raħħala jiddisponu minnu.
Bħalissa fil-fatt hemm xhur twal b’lura mingħajr ma ġie trattat u dan jista’ jikkawża problemi serji fis-saff li taħtu hemm l-ilma.