Sal-aħħar ta’ din is-sena l-Pjazza tal-Mosta se tittrasforma ruħha f’waħda li tabilħaqq tixraq lil din il-lokalità u kif ilhom jixtiequ l-Mostin.
F’din il-pjazza bħalissa għaddejja ħidma sfiqa sabiex jgħaddu servizzi ġodda minħabba xogħol li snin ilu ma kienx sar kif suppost jew li ddeterjora maż-żmien. Fl-istess waqt, fl-aħħar qed tiġi indirizzata l-problema ta’ għargħar li hija pjaga għall-Mostin kull meta tersaq lejn pajjiżna maltempata.
Iltqajna mas-Sindku Mosti, Chris Grech, li qalilna x’sabu ma’ wiċċhom il-ħaddiema meta imbarkaw fuq dan il-proġett.
“Dawn it-toroq arterjali jridu jsiru għax kienu f’sitwazzjoni li, wara ħafna snin li saru – jiġifieri dawn saru fuq għaxra, ħmistax-il sena ilu – kellhom bżonn jerġgħu jinqalgħu. Kien hawn diversi servizzi fil-wiċċ, diversi servizzi spiċċuti. Meta sar dan il-proġett tal-Pjazza kien hawn ħafna servizzi li saru fil-wiċċ. Dawn illum qegħdin jitbaxxew għal-livell li suppost għandhom jitbaxxew. Kien hawn sistemi tal-ilma tax-xita li llum waslu li s-soqfa tagħhom huma spiċċuti. Proprjament, warajja, hawnhekk, hawn il-ġiebja li hija taħt l-iljun, li s-saqaf tagħha sibna li dan huwa spiċċut. Il-ħnejjiet qed iġarrbu ħsarat strutturali; hemm bżonn li jinqala’ s-saqaf tal-ġiebja u tiġi rranġata wkoll.”
Kif naturalment jiġri kulmeta jkun qed isir ix-xogħol xi mkien, ir-residenti u dawk li jgħaddu mill-inħawi bħalissa qed ibatu minn inkonvenjent minħabba x-xogħlijiet kbar li qed isiru – fosthom tħaffir fil-blat tal-qawwi. Madankollu, ONE News seta’ jinnota li l-pjazza xorta waħda baqgħet aċċessibbli.
Is-Sindku sostna d-determinazzjoni li l-Mostin ikollhom Pjazza kif dejjem xtaqu. Iżda, biex dan iseħħ, il-kunsill mhux lest li jagħmel l-affarijiet ta’ kafkaf.
“Din il-problema ma ġietx indirizzata minn gvernijiet u kunsilli preċedenti meta saret il-pjazza tal-Mosta fis-snin passati. Illum il-Pjazza qed terġa’ tinqala’. Setgħet saret il-Pjazza b’mod li ma ġietx indirizzata l-problema, però ovvjament kien ikollna pjazza ġdida mingħajr ma tkun indirizzata din il-problema tal-għargħar.”
Grech qalilna wkoll li l-Kunsill ħadem biex jilħaq kompromess li bih se jkun jista’ jiġi mmaniġġjat it-traffiku filwaqt li l-pjazza tkun aktar aċċessibbli b’mod pedonali għar-residenti.
“Ħloqna kompromess billi se jkollna pjazza pavimentata u jistgħu jsiru diversi attivitajiet fiha meta nħossu l-ħtieġa li għandha tingħalaq. Imbagħad aħna indirizzajna t-talba li riedu n-nies, li jridu spazju kbir li jkun pedonali billi pproponejna proġett kbir ukoll viċin il-Pjazza li huwa proġett ta’ Project Green, fejn se jkollna, wara l-knisja, proġett ta’ tlett elef metru kwadru fejn se jkollna spazju aħdar, spazju pubbliku ħafna ikbar milli hemm illum.”