Nhar il-Ġimgħa li għadda, f’jum il-Milied, fl-isptar Mater Dei twieldu ħdax-il tarbija, sitt ibniet u ħames subien. Dawn it-trabi se jiżdiedu mal-ftit inqas minn mitejn tarbija li twieldu fil-Milied fl-ewwel għoxrin sena ta’ dan is-seklu.
F’jum il-Milied li għadda, l-ewwel tarbija u l-aħħar tarbija li twieldu kienu t-tnejn subien. L-ewwel tifel twieled fis-sagħtejn ta’ filgħodu u l-aħħar tifel fil-ħdax ta’ billejl.
F’pajjiżna, is-sena elfejn u tmintax rat l-iżjed twelid ta’ trabi f’jum il-Milied fejn kienu twieldu sittax-il tarbija. Dan bil-kontra għas-sena elfejn u sitta li kellha rekord ta’ l-inqas trabi mwielda fl-aħħar għoxrin sena.
Skont informazzjoni li nħarġet mid-Direttorat għall-Informazzjoni u r-Riċerka fis-Saħħa, it-twelid annwali fl-isptarjiet lokali reġgħu żdiedu fl-elfejn u ħmistax wara li din ir-rata kienet naqset fis-snin ta’ qabel.
Huwa magħruf ukoll li r-rati ta’ trabi fil-Milied ta’ bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u dsatax ukoll żdiedu u qabżu l-medja ta’ kull ġurnata oħra matul is-sena.
L-istess direttorat qal li fl-aħħar għoxrin sena, ħafna mit-twelid ta’ trabi kien fost nisa li għandhom iżjed minn tletin sena, filwaqt li r-rata ta’ twelid ta’ trabi fost nisa taħt din l-età kompla jonqos sena wara l-oħra.
Meta mqabbel mar-rata ta’ twelid ta’ trabi lill-ommijiet barranin, l-ommijiet ta’ nazzjonalità Maltija, fl-elfejn u dsatax, laħħaq it-tnejn u sebgħin fil-mija.