Rapport fuq is-sit internazzjonali BBC irrapporta kif fil-Baħar Mediterran li jdawwar lil pajjiżna, hawn elf speċi aljena.
Dwar dan tkellimna mad-Deputat Direttur tal-Awtorita għar-Riżorsi u l-Ambjent, Darrin Stevens.
Huwa qal kif dawn l-ispeċi invażi sabu ruħhom fil-Mediterran wara li nfetaħ il-Kanal ta’ Swejz peress li fil-baħar m’hemmx limitu ta’ speċi, hekk kif huwa bla fruntieri.
Wieħed minn dawn l-ispeċi huwa l-blue crab.
Qal, “Il-blue crab żdied, bl-ERA fil-fatt ġibna fondi mill-Unjoni Ewropea u sar studju fuq il-granċ innifsu. Nafu li żdied hawn Malta, huwa speċi invażiva u jagħmel ħsara lill-ambjent naturali għaliex jieħu post l-annimali Maltin u l-pjanti tagħna.”
Stevens spjega li dan il-granċ kbir, jista’ jittiekel.
Qal, “Waħda mill-aħjar mekkaniżmi hu li jinġabar għall-ikel. Fil-verità flimkien mal-Unjoni Ewropea u mad-Dipartiment tas-Sajd, l-ERA ħadmet u qabbadna kok Malti biex jagħmel riċetti kif dan jista’ jissajjar u llum jekk issib tixtrih jew tiġbru tista’ wkoll issajru minħabba li huwa delicatessen.”
Fl-istess waqt hemm speċi oħra li qed jagħmlu ħsara fl-ekosistema ta’ taħt il-baħar.
Qal, “Rinomat fil-gazzetti internazzjonali u dak ta’ Malta huwa l-Lionfish, dak li bil-Malti ngħidulu d-Durbies; li huwa tip ta’ ħuta sabiħa u ornamentali, li qed tiżdied minħabba aquarium trade u minħabba firxa naturali u l-problema tagħha dan huwa li huwa predatur, jiġifieri litteralment jaqbad u jiekol kważi kollox. Huwa ta’ periklu wkoll għax jonqsu speċi oħrajn, bħal m’huma d-denċi u ċ-ċenen, li aħna nużaw kemm għall-ambjent naturali u kif ukoll għall-ikel.”
Id-Deputat Direttur spjega kif l-ERA tagħmel diversi spezzjonijiet u moniteraġġ ħalli tara xi speċi qegħdin jidħlu fl-ibħra Maltin.
Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku jirrapporta jekk jiltaqa’ ma’ xi speċi invażivi fl-ibħra tagħna.
Qal, “Jeżistu apps li huma bbażati fuq l-internet, fejn wieħed jista’ jidħol jew fil-website tal-ERA jew inkella fil-website ta’ proġetti bħal: Spot the Alien Jellyfish jew Spot the Alien Fish, fejn inti tkun tista’ tirrapporta l-affarijiet li qed tara u fejn tarahom. Fil-verità ħafna mill-ispeċi li qed naraw insibuhom ukoll bl-għajnuna tan-nies li jirrappurtaw dawn it-tip ta’ affarijiet.”