Il-Ġimgħa filgħaxija tlaqqa’ Kunsill Ġenerali ieħor tal-Partit Nazzjonalista fl-eqqel tal-kriżi u l-inkwiet intern fil-partit f’tal-Pietà.
Il-membri tal-ogħla organu tal-Partit Nazzjonalista qed jiġu mitluba jagħżlu jekk it-tesserati jivvutawx vot ta’ konferma tal-Kap Adrian Delia jew issirx tellieqa oħra għal Kap tal-partit.
Iż-żewġ fazzjonijiet, jiġifieri dik ta’ Delia u ta’ Simon Busuttil imbuttaw għażliet differenti fost il-kunsilliera.
Fil-Kunsill Ġenerali tkellem il-Kap Adrian Delia li fetaħ attakk fuq id-deputati li sfiduċjawh u pruvaw jneħħuh minn Kap tal-Oppożizzjoni.
“Hemm grupp ta’ membri parlamentari li ppruvaw ineħħuni minn Kap tal-Oppożizzjoni u ma waslux tramite l-Kostituzzjoni u issa għażlu t-triq tal-istatut tal-Partit, għax ma waslux.”
Semma r-reżistenza li sab u b’referenza għall-fazzjoni ta’ Busuttil qal li vvintaw dwaru.
“Qatt ma immaġinajt li sforz ġenwin biex il-Partit Nazzjonalista jmur għand in-nies kien se jsib daqstant reżistenza.
Il-metodi tal-passat għandhom ħabta jirreżistu l-ġdid.
Ivvintaw minn żniedhom.”
Dwar is-sondaġġi dwaru u l-Partit Nazzjonalista Delia appella biex fil-partit kulħadd jiġbed ħabel wieħed.
“Is-surveys trid taħdem għalihom bl-għaqda u bid-determinazzjoni. Billi niġbdu ħabel wieħed.”
Intant qabel tkellem il-Kap, il-President tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista għamel indirizz li fih spara l-kanuni lejn it-tmexxija ta’ Delia.
“Irridu nkunu partit bi tmexxija kredibbli, bi tmexxija rilevanti.
Qtajna qalbna bit-tmexxija preżenti kif qegħda llum il-ġurnata.”
Fl-isfond tal-kampanja tal-MŻPN biex Delia jitneħħa minn Kap u li sussegwentament, il-Partit Nazzjonalista kien saħaq li se jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ membri tal-MŻPN, Grech qal li ż-żgħażagħ tal-fergħa tal-fazzjoni ta’ Busuttil spiċċaw taħt tħeddida.
“Għażilna triq diffiċli li wasslitna għal theddida minn naħa tat-tmexxija li jittieħdu passi kontra ż-żgħażagħ tal-Partit kif fil-fatt ser jiġri.
Ser jieħu passi dixxiplinarji kontra ż-żgħażagħ tiegħu stess.”
Intant il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ressaq protest ġudizzjarju fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi minħabba li dan allegatament xerred qlajjiet malafamanti fil-konfront ta’ Delia.
Delia hawnhekk irrefera għal numru ta’ messaġġi li rċivew terzi persuni mingħand Jason Azzopardi li fost l-oħrajn jgħidu li Delia ħa flus m’għand Yorgen Fenech biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Fil-protest ġudizzjarju li fetaħ, Delia jistaqsi x’kienet ir-raġuni li jekk hu minnu li Jason Azzopardi kellu informazzjoni dwar dan f’Jannar li għadda, ma użahiex dakinhar stess. Hawn allega wkoll li Azzopardi, li tant jitkellem dwar is-saltna tad-dritt, ma jridx li l-votanti tal-Kunsill Ġenerali jivvutaw b’serenità u jitħallew jieħdu deċiżjoni importanti għall-Partit Nazzjonalista mingħajr xi influwenza qarrieqa.