Il-Qorti qatgħetha li hemm biżżejjed provi biex Roderick Cassar, mixli fost l-oħrajn bil-qtil ta’ martu Bernice Cassar, jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.
Dan hekk kif kompliet tinstema’ x-xhieda fil-każ kontra Cassar, li jinsab mixli li fit-22 ta’ Novembru qatel lil martu Bernice meta sparalha b’senter f’Raħal Ġdid.
L-espert forensiku Mario Scerri spjega lill-Qorti d-dettalji tax-xena fuq il-post tar-reat fejn intqatlet Bernice Cassar. Scerri rrefera wkoll għall-preżenza ta’ skartoċċ qrib il-karozza tal-vittma u ieħor qrib bankina viċin il-vettura.
L-espert forensiku xehed ukoll li Cassar sofriet minn feriti f’sidirha, spallejha u rasha b’riżultat tal-isparatura. Fil-fatt, huwa qal li l-kawża tal-mewt kienu żewġ tiri sparati lejha. Għal mistoqsija mill-avukat tal-familja, Stefano Filletti, Mario Scerri spjega li t-tiri ġew sparati mill-viċin.
Scerri rrimarka wkoll li Bernice Cassar kellha tbenġil f’għonqha u fuq spallejha li kien ġie kkawżat ftit qabel.
Huwa xehed li huwa kien preżenti għall-eżami tal-istat mentali ta’ Roderick Cassar, meta ġie kkonfermat li kien f’qagħda mentali stabbli.
L-avukat tal-imputat, Franco Debono, staqsa dwar it-tielet skartoċċ li nstab, u Mario Scerri wieġeb li dan l-iskatoċċ ma laqatx lill-vittma. Ħdejn il-katavru nstabet ħofra li hija kompatibbli mal-ħsara li kkawża dak l-istess skartoċċ.
Tul il-kumpilazzjoni xehed ukoll il-psikologu Beppe Micallef Trigona, li ġie mitlub minn Mario Scerri biex jeżamina lil Roderick Cassar. Micallef Trigona qal li ġie mgħarraf li l-akkużat kien qed jiġi trattat b’mod psikjatriku u li kien qed jieħu wkoll xi mediċini. Cassar qal li jbati minn klawstrofobija u li din affettwatu meta ngħalaq fiċ-ċella.
Spjega wkoll li Cassar ngħata struzzjonijiet biex ma jweġibx waqt l-interrogazzjoni filwaqt li rrifjuta li jagħti kampjun tad-demm. Huwa sostna wkoll li ġie mgħarraf li kien hemm ċans li Cassar seta’ jneħħi ħajtu bi jdejh għaliex qal li beda jisma l-ilħna fiċ-ċella. Madankollu, tenna li ma kien hemm ebda ħjiel għal dan.
Xehdu wkoll il-Kuntistabbli Patrick Farrugia u Ian Farrugia mit-Taqsima Ballistika. Filwaqt li ppreżentaw ir-rapport tagħhom dwar it-tiri sparati dakinhar tal-każ, intqal li s-senter huwa simili għal dak li jintuża għall-kaċċa imma huwa differenti għax il-kanna hija ferm iqsar u s-sistema titlob lill-persuna tikkarga lura u ’l quddiem biex tispara.
Fuq il-pedana tax-xhieda, is-Surġent Cyril Butters mill-għassa taż-Żejtun qal li lejliet li nqatlet Bernice kien daħal raġel fl-għassa sabiex jagħmel rapport li kien qed jibża’ minn Roderick Cassar. Huwa qal li Cassar kien qed jaħseb li hu qiegħed joħroġ ma’ martu.
Xehdet ukoll ħabiba ta’ Bernice u Roderick, li isimha ma jistax jxxandar b’ordni tal-Qorti. Hija qalet kif dakhinar tad-delitt, meta rat il-kitba tal-akkużat fuq Facebook, ħasbet li se jagħmel suwiċidju u għalhekk ċemplitlu u kien hawn li weġibha li kien qatel lil Bernice.
Ħabiba oħra, Daniela Aquilina, qalet li Bernice kienet qaltilha li żewġha kien poġġielha sikkina m’għonqha quddiem uliedhom u għalhekk ma setgħetx tibqa’ toqgħod id-dar.