F’awla 22 għoxrin kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ kontra Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’din is-seduta d-difiża talbet biex kull materjal li ġie f’idejn il-pulizija imqar għal ftit sekondi li għandu x’jaqsam mal-każ għandu jingħadda lilhom ukoll. Il-Qorti stqarret li din it-talba ma tistax tkopri kull informazzjoni dwar l-investigazzjoni. Id-Difiża qablet dwar dan u kjarifikat li t-talba tkopri informazzjoni mgħoddija lill-pulizija mis-servizzi sigrieti li setgħu wasslu għas-suspett fuq l-akkużat. Stqarr li hemm erba’ telefonati li dawn ma ġewx mgħoddija lid-Difiża u dawn intużaw mill-pulizija mhux biss milli semmgħuhom biss fl-interrogazzjoni lill-Edwin Brincat magħruf bħala ‘Il-Ġojja’.
Il-Prosekuzzjoni stqarret li qatt ma tista’ tingħata xi ħaġa li mhux f’idejn il-pulizija. Id-Difiża talbet biex il-prosekuzzjoni tagħmel it-talba mas-servizzi sigrieti biex dawn jerġgħu jgħaddu f’idejn il-pulizija. L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali stqarr li din mhix evidenza materjali iżda intelliġenza. Il-Qorti stqarret li f’kull każ jekk hemm evidenza relevanti li anke tista’ tgħin lid-Difiża, dik titiqies bħala evidenza materjali.
Id-Difiża stqarret li hemm erba’ telefonati partikolari li ssemmew f’bosta dikjarazzjonijiet ta’ nies mitkellma mill-pulizija.
Il-Qorti spjegat kif jista’ jagħti l-każ li l-Qorti stess tara l-materjal inkwistjoni u tiddeċiedi hi jekk dan hux relevanti.
Id-Difiża innotat ukoll kif fil-prime note preżentati dwar l-investigazzjonijiet hemm madwar ħmistax-il faċċata nieqsa dwar l-investigazzjoni ta’ Melvin Theuma. Talbet biex dawn jingħaddew lid-difiża.
L-Ispettur Zahra tela’ fuq il-pedana tax-xhieda hekk kif kien hu li esebixxa l-prime note.
Stqarr li huwa preżenta kull ħaġa li għamel referenza għaliha fix-xhieda tiegħu fil-Qorti.
Il-Qorti staqsiet hemmx diffikultà biex id-difiża tingħata dawn is-sezzjonijiet nieqsa. Il-Qorti stqarret li dwar dawn il-prime note hija diġà kienet iddeċidiet dwar partijiet li jistgħu ixekklu xi investigazzjonijiet fuq terzi persuni madankollu jekk hemm affarijiet oħra relevanti għad-Difiża u li jistgħu jgħinuha fix-xogħol tagħha, dawn għandhom ikunu żvelati.
Fis-seduta xiehdu żewġ rappreżentanti ta’ kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. Dawn xhiedu dwar informazzjoni li kienet mitluba mill-pulizija dwar żewġ telefonati li saru minn numru għall-ieħor fit-28 ta’ Awissu u t-18 ta’ Novembru ta’ din is-sena.
Fil-Qorti ssemmew iż-żewġ numri iżda ma jistgħux ikunu ppubblikati fuq ordni tal-Qorti.
Meta mistoqsija mid-Difiża dwar it-tul tat-telefonata, stqarret li għall-ewwel telefonata l-persuna li għamlet l-użu min-numru prova jaqbad il-persuna li kien qed jagħmel użu mit-tieni numru iżda dan ma qabadx. Fit-tieni telefonata l-persuna qabdet it-telefonata u din damet biss tliet sekondi.
Waħda mix-xhieda kkonfermat kif l-evidenza ppreżentata tikkonferma li t-telefonati saru mill-ewwel numru.
Stqarret kif il-persuna li għamlet użu mill-ewwel numru kien barra minn Malta meta saru ż-żewġ telefonati. Hawnhekk fl-awla, Yorgen Fenech deher idur lejn il-membri tal-familja li kien hemm preżenti fl-awla.
Dwar rikors preżentat mid-Difiża, il-Qorti stqarret li rappurtaġġ bħal dak li sar mill-ġurnalista ta’ newsbook fl-artiklu intitolat “Il-Qorti taqbel ma’ Azzopardi li ma żbaljax meta sejjaħ lil Fenech ħati” ma kienx wieħed korrett u veritier u dan ma jirrispekkjax dak li seħħ fl-awla u għalhekk jista’ jagħti stampa mhux veritiera ta’ dak li jkun qed jiġri fil-Qorti. Il-Maġistrat Rachel Montebello talbet lir-reġistratur tal-Qorti sabiex tieħu azzjoni fuq l-awturi tal-artikli msemmija fir-rikors mid-Difiża.