Il-qorti kostituzzjonali tal-Korea t’Isfel bdiet il-proċeduri għall-impeachment tal-President Yoon Suk-yeol, wara li nhar is-Sibt il-membri tal-parlament f’Seoul ivvutaw biex jipproċedu. L-impeachment kontra l-President Yoon Suk-yeol qed jiġi nfurzat wara li kien ħabbar liġi marzjali li minkejja damet biss ftit sigħat tefgħet lill-pajjiż f’kaos politiku.
Il-qorti għandha sitt xhur ċans biex tiddeċiedi jekk Yoon għandux jitneħħa mill-kariga jew le.
Aktar kmieni dan ix-xahar Yoon, waqt indirizz fuq it-televiżjoni li xxokkja lil kulħadd, kien iddikjara l-liġi marzjali hekk kif qal li din kienet miżura neċessarja biex jiġġieled il-forzi kontra l-istat. Din l-ordni kienet revokata wara li l-membri parlamentari daħlu bil-forza fil-parlament ta’ Seoul u vvutaw kontriha.
Sussegwentinament, Yoon u l-partit tiegħu PPP bdew jiffaċċjaw konsegwenzi politiċi b’eluf ta’ dimostranti fit-toroq tal-kapitali jitolbu għall-arrest ta’ Yoon.
Għalkemm il-ġuri ta’ Yoon jaf jieħu x-xhur, il-qorti tinsab taħt pressjoni biex ma ttawalx sabiex tintemm din is-sitwazzjoni ta’ instabbilità politika fil-pajjiż.
Sabiex l-impeachment jgħaddi hemm bżonn l-affermazzjoni ta’ sitta minn disa’ mħallfin, iżda bħalissa l-qorti għandha biss sitta wara li riċentament irtiraw tlieta u għadhom ma ġewx maħtura oħrajn ġodda flokhom. Dan ifisser li l-qorti jrid ikollha vot unanimu favur l-impeachment ta’ Yoon sabiex formalment tintemm il-presidenza tiegħu.