L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħabbret li għall-festi marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, fil-knejjes jistgħu jintramaw ix-xbihat qaddisa tar-Redentur, il-Vara l-Kbira (il-Kurċifiss) u tal-Madonna tad-Duluri. L-Irxoxt jista’ jintrama għall-Għid il-Kbir fl-irħula li s-soltu ssir il-purċissjoni tradizzjonali. Ix-xbihat għandhom jinħarġu u jidħlu lura fin-niċċa b’mod privat.
Filwaqt li f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej, mhux ser isir ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn, iżda tista’ ssir quddiesa oħra jekk il-ħtiġijiet pastorali tal-komunità jirrikjedu dan.
Id-direttivi jindirizzaw ukoll s-Seba’ Viżti li jsiru fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka. Din is-sena, mhux se jkun permessibbli li persuni jidħlu u joħorġu mill-knisja bejn riflessjoni u oħra, iżda jibqgħu f’post wieħed.
Fil-Ġimgħa l-Kbira, it-tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej ser issir bl-eċċezzjoni tal-bews tas-Salib, u minflok isir mument ta’ Adorazzjoni tas-Salib.
Fil-Vġili tal-Għid, iċ-ċelebrazzjoni ssir bħas-soltu bid-differenza li l-poplu ma jinġabarx ħdejn il-bieb ta’ barra għat-tberik tan-nar imma jsegwi minn postu.
Dawn id-direttivi li ppubblikat l-Arċidjoċesi ta’ Malta huma parti mill-miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-imxija tal-Covid-19.