Dalgħodu kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Melvin Debono li kien ġie arrestat b’rabta ma’ rejd tad-droga f’Raħal Ġdid li seħħ is-Sibt 19 ta’ Diċembru.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ sid il-garaxx fejn seħħ parti mir-rejd.
Huwa stqarr li kien jikrih lill-akkużat Debono.
Stqarr li kien imur hu l-garaxx biex iħallsu u Debono kien iħallsu bi flus kontanti.
Xehed ukoll uffiċjal tal-pulizija mill-iskwadra ta’ kontra li qal li dakinhar li seħħ ir-rejd kellhom informazzjoni li kellu jsir xi bejgħ tad-droga.
Spjega kif il-pulizija lemħu karozza VW Bora li fiha kien hemm Dean Martin, l-akkużat l-ieħor li ġie arrestat b’rabta ma’ dan il-każ.
Saħaq li Martin beda jdur fl-akwati tal-Ħamrun biex imbagħad niżel il-Marsa fi Triq il-Qaddiefa u daħal f’garaxx.
Stqarr li hu ra lil Martin joħroq b’baskett tal-karti u tefgħu warajh fuq is-seat ta’ wara.
Huwa stqarr li wara mar Raħal Ġdid u hemmhekk ra lil Melvin Debono jitla’ ġol-karozza u hemmhekk karozza oħra tal-pulizija għalqitilhom it-triq.
Qal li minn hemmhekk saru l-arresti.
Kuntistabbli oħra mill-istess skwadra tal-pulizija spjegat kif dakinhar tal-arrest huma kienu segwew lil Dean Martin.
Stqarret li kif l-akkużat indunaw bil-preżenza tal-pulizija, huma ppruvaw jaħarbu.
Spjegat kif minn fuq Melvin Debono ttieħdu żewġ mobile phones u fil-karozza nstabu basktijiet tax-xiri li fihom kien hemm xi pakketti.
Pulizija oħra xehdet li fid-dar ta’ Debono nstabet lembuba u xi ħaxixa tal-kannabis fost l-oħrajn.
Fil-kċina sabu wkoll borża bil-kantunieri maqtugħin u għad ta’ flixken u xi trab abjad.
Pulizija li kien preżenti għar-rejd qal ukoll li f’kamra tmiss mal-kċina sabu safe mdaħħal ġol-ħajt u fih kien hemm iktar flus.
Intant fi tmiem is-smigħ tal-kumpilazzjoni, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Qorti ċaħdet it-talba għaliex dehrilha li mhix konvinta li l-imputat se jżomm mal-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Bħalissa beda s-smigħ tal-kumpilazzjoni ta’ Dean Martin.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/05/fuq-l-akkuzat-instabu-izjed-minn-e5000-surgent-fix-xhieda-tal-kumpilazzjoni-ta-dean-martin/