Koppja Għawdxija kellhom jibdlu l-pjanijiet tat-tieġ tagħhom għat-tielet darba.
L-aħħar darba li kellhom jagħmlu hekk kien propju l-ġimgħa l-oħra, fil-jum tat-tieġ, minħabba li sajjetta qabdet in-nar fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex.
Il-koppja Gabriella u Remi Azzopardi diġà kienu ċaqilqu d-data tat-tieġ tagħhom darbtejn minħabba l-imxija u kienu qed jittamaw li jirnexxilhom jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ, il-Ħadd li għadda fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, iżda s-sajjetta li laqtet lil din il-knisja, reġgħet ħarbtitilhom il-pjanijiet.
Madankollu huma xorta żżewġu l-Ħadd li għadda fil-Katidral, fiċ-Ċittadella.
Mat-Times, l-għarusa rrakkuntat kif qamet permezz ta’ telefonata tal-Arċipriet li qalilha li ma jistax iżewwiġha fil-Bażilika wara l-maltemp li laqat sew anki l-knisja matul il-lejl.
L-għarusa qalet li għal ftit sekondi infaqgħet tibki iżda mbagħad tbissmet u għarfet li trid issib soluzzjoni, bl-Arċipriet jassiguraha li se jgħinna biex tiżżewweġ x’imkien ieħor.
Fi ftit sigħat il-fjuri, il-mużiċisti u l-mistednin kienu kollha għall-quddiesa taż-żwieġ tal-koppja fil-Katidral u kollox deher f’postu għall-jum tant importanti tal-koppja.
Ritratt: Matt Hush