Illum kellha tkanta fuq l-imħabba, kellha tilbes l-isbaħ libsa u tagħti l-aħjar tliet minuti ta’ ħajjitha fuq il-palk ta’ Ahoy Arena, f’Rotterdam.
Il-kantanta Maltija, Destiny tkellmet magħna dwar l-isfortuna li misset lilha meta ġiet biex tirrapreżentana fil-Eurovision Song Contest.
Hija stqarret: “Ovvjament xtaqt li nitla’ nirrapreżentakhom però nemmen li kull deni għandi nieħdu b’ġid u forsi jekk ma kinitx din id-darba jkolli opportunità nitla’ sena oħra.”
Bil-Eurovision Song Contest tħassar minħabba l-imxija tal-Coronavirus li laqtet lid-dinja kollha, fil-jum li kellha tikkompeti biex tagħmilha mal-ewwel għaxra fis-semi-finali, Destiny u saħqet li xorta tgħallmet min din l-esperjenza.
Destiny sostniet: “Għal darb’oħra jekk ikollna opportunità nbiddlu affarijiet li ma tantx għoġbuna mhux għax qed ngħid li hemm affarijiet imma forsi seta’ kien hemm xi ħaġa aħjar issa nafu u nagħmluha aħjar.”
Spjegat kif minkejja l-pandemija xorta qed tkompli bil-karriera tagħha.
Destiny kompliet tgħid: “Qiegħda nkanta mid-dar. Nibgħat videos mid-dar jiġifieri xorta għaddejja bil-karriera tiegħi imma ovvjament mhux bħan-normali meta jien naf ikolli concert jew hekk.”
Ċertament il-Coronavirus mewwet l-ispirtu tal-Eurovision f’dan iż-żmien, almenu għalissa, biss il-vuċi ta’ Destiny, li ssaħħrek għadha u tibqa’ u nħarsu ‘l quddiem biex fil-futur narawha fuq il-palk tal-Eurovision bħala l-ambaxxatriċi Maltija.