Minn nhar il-Ħamis li għadda sat-Tlieta, li fih kien hemm tmiem il-ġimgħa estiż, bil-festa tal-Imnarja aktar minn 88,000 persuna qasmu l-fliegu biex iqattgħu jiem ta’ mistrieħ f’Għawdex.
Ċifri li kiseb ONE News li jkopru l-perjodu ta’ bejn l-24 u l-29 ta’ Ġunju, juru li tul dan iż-żmien tal-lmnarja ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ aktar minn 7,500 persuna, jew 9.3%, li qasmu bejn Malta u Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel meta mqabbel mas-sena l-oħra.
L-aktar jum bieżel kien is-Sibt, 26 ta’ Ġunju, fejn il-vapuri tal-Gozo Channel ġarrew 15,901 f’94 vjaġġ.
F’Jum l-Imnarja nnifsu, mill-port tal-Imġarr Għawdex, 10,191 persuna qasmu lejn Malta, l-akbar numru ta’ passiġġiera li rikbu l-Gozo Channel minn Għawdex stess.
Ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat saħaq li l-istabbilimenti u n-negozji f’Għawdex kellhom andament pożittiv f’dawn l-aħħar jiem ukoll.
Huwa qalilna, “Stabbilimenti tagħna rrapportaw okkupanza tajba f’dawn il-jiem u anke stabbilimenti oħra bħal ristoranti u lukandi qalu li kienu jiem movimentati ħafna. Jawgura tajjeb għall-irkupru tas-settur, li nafu kemm niddependu minnu.”
F’dawn is-sitt ijiem saru 560 vjaġġ mill-vapuri tal-Gozo Channel, bl-aktar jum li fihom saru vjaġġi bejn il-portijiet kienu s-26, it-28 u d-29 ta’ Ġunju, b’94 vjaġġ f’kull jum.
Joe Muscat wera sodisfazzjon ukoll għall-fatt li ma kinux biss turisti minn Malta li sabu wens u mistrieħ f’Għawdex fl-aħħar jiem, hekk kif il-gżira tat-tliet għoljiet qed terġa’ tkun id-destinazzjoni ta’ bosta barranin li jridu post sigur għall-btala ta’ wara l-pandemija.
Muscat sostna: “Jawgura għall-irkupru tal-industrija, u nisperaw li fil-jiem li ġejjin ikollna weekends oħra ta’ dan it-tip. Għawdex beda jara wkoll turisti barranin, u hemm ukoll huwa tajjeb biex nibdew bil-mod noħorġu mid-diffikultajiet li ġabet il-pandemija tul il-15-il xahar li għaddew.”