Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li diversi miżuri li hemm imposti bħalissa ser jiġu riveduti fil-jiem li ġejjin. Il-Ministru għas-Saħħa qal li ċertu miżuri ser jiġu riveduti biex jiżdiedu, oħrajn biex jiġu emendati u oħrajn biex jinbidlu u nnaqqsu biex nerġgħu nagħtu spinta lill-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Ministru Fearne saħaq li għad hemm lok għar-responsabbilità li mexa biha l-poplu Malti tul dawn l-aħħar xahar u nofs u tenn li l-pandemija għadha ma spiċċatx.
Huwa stqarr li issa nistgħu nħarsu lejn dawk il-miżuri li ħadna b’kollettiv biex inżommu din il-pandemija kkontrollata u fil-jiem li ġejjin inkunu nistgħu nibdew naraw x’nistgħu nirrevedu minnhom.
Dawn il-miżuri kienu impsoti dejjem skont l-evidenza xjentifika li kien hemm u skont ir-rakommandazzjonijiet li għamlu diversi għaqdiet internazzjonali.
Tul dawn l-aħħar jiem, f’pajjiżna kellna aktar każijiet ta’ fejqan milli każijiet konfermati. Il-Ministru Fearne qal li dan kien riżultat ta’ miżuri ġew imposti f’waqthom, mhux kmieni u lanqas tard.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li, “it-tir tagħna hu li minflok ikollna tsunami ta’ każijiet ġodda ta’ COVID-19 li allura kieku kellna dan it-tsunami kien ifisser li s-servizzi tas-saħħa tagħna żidnihom kemm żidnihom ma kienux ilaħħqu mad-domanda, minflok tsunami ridna li jkollna xmara ta’ każijiet li nistgħu nikkontrollaw u dan jidher li qed jirnexxielna nagħmluh.”
Il-Ministru temm jgħid li bħala poplu rridu nibqgħu viġilanti u għandna nagħmlu kuraġġ lil xulxin biex l-aħbarijiet jibqgħu jkunu sbieħ.