Fil-jiem li ġejjin se tkun tista’ tniżżel l-app, Smiles with Miles sabiex tużaha waqt xi mixja jew ġirja filwaqt li fl-istess ħin tappoġġja wkoll kawża ġusta.
Ħabbret dan mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-kampanja Smiles with Miles.
Fil-fatt, Dr Lydia Abela sostniet li min se jkun qed juża din l-app u jilħaq ċertu tragwardi ta’ mili se jkun qed jgawdi minn premijiet differenti.
Dan filwaqt li l-mili tal-popolazzjoni kollha se jingħaddu flimkien sabiex malli jintlaħqu 250,000 mil, numru ta’ kumpaniji se jkunu qed jikkontribwixxu għajnuna finanzjarja għat-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja u l-istil ta’ ħajja taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
ONE News tkellem ma’ Dr Lydia Abela sabiex tispjega l-għan wara din il-kampanja.
Hija aċċennat għal riċerki barranin li juri kif bħala popolazzjoni fadlilna x’naqdfu sabiex intejbu l-livell ta’ attività fiżika li nagħmlu.
Dr Abela stqarret: “Jekk tħares lejn riċerki juru b’mod ċar li jekk tikkumpara kemm nagħmlu attivita fiżika bħala popolazzjoni, anzjan Żvizzeru jagħmel id-doppju ta’ kemm jagħmel adult Malti. Fejn jidħlu t-tfal, it-tfal Żvizzeri jagħmel 4 darbiet aktar bħala attività fiżika milli jagħmlu t-tfal Maltin.”
Tenniet kif din hija sfida li trid tiġi indirizzata: “Bħala pajjiż imxejna ’l quddiem f’diversi setturi kemm fl-ekonomija u l-edukazzjoni madankollu f’dan is-settur għadna lura allura rridu naħdmu bħala poplu maqgħud biex din l-isfida negħlbuha wkoll.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar tenna l-appell biex il-poplu Malti u Għawdxi jniżżel din l-app meta tkun disponibbli sabiex din il-kampanja tkun waħda suċċess.
Minn naħa tiegħu il-Kap tad-Dipartiment tal-Psikjatrija tal-Isptar Monte Karmeli, Dr Anton Grech fakkar fl-importanza ta’ stat ta’ saħħa tajba mil-lat mentali. Huwa saħaq li l-eżerċizzju jgħin ħafna f’dan ir-rigward u b’hekk l-importanza tiegħu.