Il-Prim Ministru Robert Abela qal li sal-ewwel ta’ Lulju li ġej huwa kruċjali li jkollna iżjed destinazzjonijiet li pajjiżna jkun miftuħ għalihom.
Għal domanda tal-ġurnalisti dwar dan, il-Prim Ministru qal li dan isir dejjem b’mod kawt u li tingħata attenzjoni għas-saħħa tal-poplu.
Il-Prim Ministru stqarr, “Kruċjali li sal-ewwel ta’ Lulju nkunu ftaħna aktar. Sal-lum għad għandna anqas minn għoxrin fil-mija tas-settur turistiku tagħna illi huwa miftuħ u għaldaqstant jekk ukoll irridu nidħlu fis-settur turistiku mill-ġdid b’mod tajjeb għandna nieħdu deċiżjonijiet fil-ġranet li ġejjin. Ma nibqgħux nipprostakrinaw dwar destinazzjonijiet oħra illi għandhom jinfetħu. Dan nagħmluh dejjem b’mod kawt. B’mod illi nibqgħu nippriservaw is-saħħa tal-poplu tagħna, pero lanqas nistgħu naqgħu lura.”
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar tħabbar li mill-bidu tax-xahar id-dieħel pajjiżna se jiftaħ l-ivvjaġġar lejn u minn dsatax-il post meqjusa bħala siguri wara l-imxija.
Id-destinazzjonijiet sa issa huma; l-Iżlanda, l-Islovakkja, Ċipru, il-Litwanja, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Estonja, id-Danimarka, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, Sardinja u Sqallija.
Mill-1 ta’ Lulju min jiġi pajjiżna minn dawn id-dsatax-il destinazzjoni mhux se jkun obbligat li joqgħod kwarantina.
Dawn id-destinazzjonijiet huma miftuħa għal dawk il-persuni li ilhom minn tal-inqas erba’ ġimgħat jgħixu f’dawn il-postijiet.