Fil-jiem li ġejjin se jinbeda xogħol estensiv ta’ rinovar u manutenzjoni fuq l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Korp tal-Pulizija, fejn intqal li issa l-pubbliku se jaċċessa s-servizzi tal-Pulizija tad-Distrett minn għassa temporanja fi Pjazza San Pawl, f’din il-lokalità.
Dan filwaqt li s-servizzi tal-Uffiċċju se jiġu rilokati għall-Għadda tal-Pulizija f’Tal-Pietà, li tinsab biswit l-Isptar San Luqa.
F’din l-istqarrija ntqal li s-servizz tal-Pulizija tal-Komunità fil-Ħamrun se jibqa’ għaddej b’mod normali, waqt li l-Għassa tal-Marsa se topera 24 siegħa kuljum.
Il-Pulizija qalu li dawn l-arranġamenti li se jkunu fis-seħħ fil-ġranet li ġejjin saru bi qbil f’laqgħat li saru fil-ġimgħat li għaddew mal-Kunsill Lokali u mal-unjins li jirrappreżentaw lill-membri tal-Korp.
F’din l-istqarrija, il-Korp tal-Pulizija qal ukoll li l-għan hu li jibqa’ jtejjeb l-ambjent tax-xogħol minn fejn jaħdmu l-Pulizija imma wkoll li jkompli joffri l-aqwa servizz lill-pubbliku.