Fil-jiem li ġejjin il-Ministeru għall-Edukazzjoni se jkun qed jippubblika linji gwida b’rabta mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fit-28 ta’ Settembru li ġej.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici f’kummenti lill-ġurnalisti.
“Fis-sigħat li ġejjin se jingħalqu l-protokolli flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa kif jingħalqu l-protokolli jiġu diskussi mal-partijiet ta’ konsultazjzoni u kif jintemm dan il-proċess se sjkun hemm perjodu ta’ 4 ġimgġat li se nikkomunikaw mal-ġenituri u mal-edukaturi biex inserrħu ras in-nies dwar il-miżuri li se nieħdu biex nassiguraw s-sigurtà ta’ uliedhom.”
Huwa kompla jispjega li l-mod kif operaw l-iskejjel fi Skola Sajf kien ta’ suċċess hekk kif l-ebda student jew għalliem ma marad bil-Covid-19 mill-iskola.
“Dawn il-protokolli ħadmu tant li ma kien hemm l-ebda tifel jew tifla, jew edukatur li infettat ruħha għax marret fi skola sajf. Din hija fatt.”
Huwa spjega wkoll li l-Ghaqda Dinjija għas-saħħa qed tisħaq li l-iskejjel għandhom jinfetħu u dan l-argument sostnewh ukoll il-Ġnus Magħquda u l-UNICEF hekk kif it-tfal ma jistgħux jibqgħu jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni li ssir mill-klassi.
“Allaħares niġu f’sitwazzjoni fejn uliedna jagħmlu sena, sena u nofs jew sentejn imsakkra ġo djarhom minħabba l-Covid ‘l bogħod mill-iskejjel. L-aqwa triq huma l-iskejjel imma bis-salvagwardji kollha biex nieħdu ħsieb is-sigurtà u s-saħħa ta’ wliedna.”