L-Ewropa ċentrali qed tkun milquta minn maltempati bir-ragħad, xi wħud pjuttost qawwija, sal-bieraħ il-Ġermanja intlaqtet minn maltempata kbira bis-silġ u minn għada l-maltemp se jilħaq l-ġirien tagħna, l-Italja f’xi bnadi. Dan qed jiġri, hekk kif sħana li tifforma fuq l-art qed tikkontrasta ma arja kiesħa li tinsab fl-atmosfera.
Is-sit li jbassar it-temp, FirstMalta, irrapporta kif jidher li t-temp lokali fuq il-gżejjer Maltin se jżomm fil-livelli preżenti sa nhar it-Tnejn 14 ta’ Mejju. Jidher li t-temp se jibqa’ pjuttost bnazzi sa dakinhar, bit-temperaturi jilħqu madwar 26C għada l-Ħadd u t-Tnejn.
Iżda s-sitwazzjoni mistennija tinbidel nhar it-Tlieta 15 ta’ Mejju filgħodu hekk kif jidher li ċ-ċans ta’ xita se jogħla. S’issa l-indikazzjonijiet huma li jekk tagħmel ix-xita din tkun f’livelli minimi u f’forma ta’ xita rxiex.
It-temperaturi se jinżlu ftit dakinhar (It-Tlieta 15 ta’ Mejju) u jilħqu t-22C iżda mill-għada l-Erbgħa 16 ta’ Mejju jerġgħu jilħqu livelli ta’ 24C.