Fl-aħħar ġimgħat pajjiżna esperjenza bosta terremoti, bi wħud inħassu u b’oħrajn le.
Kienu bosta li fuq il-midja soċjali wrew it-tħassib tagħhom u staqsew għaliex dan qed iseħħ.
Sabiex tiġi mwieġba din il-mistoqsija, ONE News tkellem mar-riċerkatur fil-Fakultà tal-Ġeoxjenza fl-Università ta’ Malta, Dr Matthew Agius, li spjega aħjar dwar is-suġġett.
“Din l-attività qed issir f’post partikolari li, għalina, nafu biha, fejn hemm xquq fil-blat f’lokalità bejn Malta u l-Libja, 120 kilometru fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Bħala terremoti għalina mhux sorpriża, kemm-il darba kien hemm terremoti f’dawn il-postijiet u l-attività tagħha tiġri li mhux ikollok terremot waħdu, imbagħad ħafna żgħar, imma meta sseħħ tkun sekwenza ta’ terremoti li jkunu tal-istess saħħa.”
L-aktar qawwa għolja tat-terremoti li nħassu f’pajjiżna f’dawn il-jiem kien ta’ ħamsa fuq l-iskala Richter, u Dr Matthew Agius qal li fil-jiem li ġejjin mistennija nkomplu nesperjenzaw aktar theżżiżiet b’qawwa ta’ mhux iżjed minn dak irreġistrat.
“Li qed nistennew hi li din l-attività se tkompli fil-ġranet li jmiss, jista’ jkun anke ġimgħat, imma l-probabbiltà hi li s-saħħa tagħha tibqa’ l-istess, u għalhekk xi nies se jħossuh. Normalment din it-tip ta’ attività tagħmel perjodu ta’ ġranet u s-saħħa tagħha fil-passat rajna li tkun simili, allura wieħed ma jistenniex li s-saħħa se tkompli tiżdied.”
Id-Dipartiment Siżmiku fl-Università ta’ Malta għandu tmien stazzjonijiet ta’ moniteraġġ madwar il-pajjiż, u l-informazzjoni miksuba minnhom tista’ tkun ukoll utli għall-awtoritajiet ta’ pajjiżna.
“Hija rutina. Aħna ta’ kuljum naraw x’attività tkun qed isseħħ. Jekk naraw li jkun terremot, li aktarx se jinħass jew se jkun hemm interess mill-Protezzjoni Ċivili, aħna ngħaddu l-informazzjoni kollha. Aktar u aktar, jekk in-nies ikunu qed jallarmaw ruħhom, allura ninfurmaw lill-awtoritajiet.”