Fil-jiem li ġejjin se tibda l-ewwel fażi tar-restawr tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun, bir-restawr tal-faċċata tal-ġenb tal-knisja Arċipretali li hija n-naħa li tħares fuq Misraħ Gregorio Bonnici.
B’hekk, bit-tlestija ta’ dan ir-restawr fuq il-faċċata tal-ġenb tal-Knisja, li mistenni jieħu erba’ xhur, ikun jista’ jitneħħa l-iscaffolding li ilu jingombra dan il-Misraħ għal numru ta’ snin.
Dan ir-restawr jista’ jsir wara li ngħalaq b’suċċess proprju lbieraħ il-proċess miftuħ ta’ tendering li ilu għaddej għal dawn l-aħħar xhur.
Il-konservazzjoni u r-restawr ta’ din il-faċċata tal-knisja li tagħti għal fuq Misraħ Gregorio Bonnici hu stmat li se jiswa b’kollox €116,812.92 u se jitħallas minn fondi tal-Gvern ċentrali.
Il-kuntratt intrebaħ mid-ditta Taljana Salvatore Pitrolo u jinkludi t-tneħħija ta’ materjali li qed jagħmlu ħsara lill-ġebla, it-tindif, it-tikħil ta’ fili miftuħa u r-restawr tal-lavur, skultura u gwarniċuni, fost interventi oħra.
Dan kollu qed isir b’kollaborazjoni bejn il-perit imqabbad mill-Parroċċa, il-Perit Hector Zammit u d-Direttorat tar-Restawr, fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali mmexxi mill-Ministru Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici saħaq li matul din il-leġislatura d-Direttorat wettaq jew qed iwettaq xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt, il-faċċata tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann u diversi kappelli mxerrda madwar Malta u Għawdex. Qal li dan il-proġett se jivvalorizza bil-bosta s-sbuħija ta’ dan il-wirt imprezzabbli għal qalb iż-Żwieten u n-nies kollha tan-nofsinhar ta’ Malta.
Id-Direttorat tar-Restawr fassal u ppublika s-sejħa għall-offerti u ħa jkun qiegħed isegwi x-xogħlijiet bl-esperti tiegħu, fosthom il-Perit Daphne Fenech li hija l-Perit inkarigata mill-proġett f’isem id-Direttorat tar-Restawr.
Din il-Knisja hi ġawhra arkitettonika u storika u l-bini tagħha kien tlesta fl-1779 wara kważi disgħin sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla u nbena skont disinn ta’ Lorenzo Gafà. Ir-responsabbiltà tax-xogħlijiet kienet ġiet fdata f’idejn Mastru Xandru Pulis.