Fit-toroq ewlenin fl-Italja il-prezz tal-fuel issa saħansitra laħaq iż-€2.50 kull litru. Irrapporta dan is-sit La Repubblica fejn innota kif wara tnaqqis fil-prezz f’Diċembru, issa l-fuel reġa’ spara ’l fuq għal darb’oħra.
La Repubblica qalet li l-prezz beda jaqbeż iż-żewġ ewro kull litru dan l-aħħar u fl-AutoStrada, jew il-highways, il-prezz saħansitra laħaq iż-€2.50.
Jingħad ukoll li fl-Ingilterra l-prezz tal-fuel għola b’20% imqabbel biss ma’ Diċembru li għadda, filwaqt li l-Italja esperjenzat żieda ta’ 7%.
La Repubblica tgħid li dan ma jawgurax tajjeb għas-sewwieqa Taljani, għax fil-fatt il-ħsieb hu li l-prezz tal-fuel se jkompli jogħla u l-kbir għadu ġej. L-Italja għandha waħda mill-ogħla rati ta’ taxxa fuq il-fuel fejn aktar min-nofs il-prezz imur f’taxxa.
Il-Gvern ta’ Giorgia Meloni kien wiegħed li jnaqqas it-taxxa fuq il-fuel, imma s’issa għamel biss eżerċizzju ta’ moniteraġġ u obbligu li l-pompi tal-petrol juru l-prezz mibjugħ għandhom u l-prezz medju fil-pajjiż.
F’Malta, fejn inħallsu nofs dak li qed ikollhom iġorru t-Taljani, il-prezzijiet mill-pompi ilhom stabbli għal dawn l-aħħar erba’ snin, mindu l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, kien saħansitra raħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel b’seba’ ċenteżmi f’Ġunju tal-2020. Dan bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika fil-bidu tal-pandemija.
La Repubblica qalet ukoll li s-sitwazzjoni ġeo-politika b’żewġ gwerer, jiġifieri dik fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani flimkien mat-tensjonijiet fil-Baħar l-Aħmar, minħabba l-attakki tal-militanti Houthi mill-Jemen fuq is-settur marittimu u tal-merkanzija, huma fost il-fatturi ta’ prezz m’għola s-smewwiet fil-fuel f’pajjiżi bħall-Italja.