Mijiet ta’ persuni ħonqu l-Knisja ta’ San Gejtanu biex jagħtu l-ahhar tislima lill-ħabib u qarib tagħhom Jean Paul Bonett.
Deskritt bħala raġel qalbieni u dejjem lest biex jgħin, Bonett kien maħbub minn kulħadd bil-mewta traġika tiegħu ħasdet lil kull min jafu speċjalment sħabu fis-settur tal-Karnival.
Jean Paul Bonett ta’ 45 sena tilef ħajtu fit-22 ta’ Awwissu kawza ta’ xokk tal-elettriku li ħa waqt li kien qed jagħmel l-aħħar irtokki fuq karru tal-Karnival – proprju 24 siegħa qabel ittella’ s-separju tal-Karnival tas-sajf.
Fl-omelija, l-Arċipriet Fr. Walter Cauchi fakkar kif Bonett kien wieħed mir-reffiegħa tal-istatwa ta’ San Gejtanu fil-festa tal-Ħamrun fejn qal kif Jean Paul kien kapaċi jżewweġ lil San Gejtanu mal-Karnival.
Qal kif kien bniedem b’saħħtu, iddedikat u raġel b’qalb kbira fejn kien bniedem li hass, għen u għix. Fr. Cauchi kompla biex iddeskriva lil Jean Paul bħala raġel li kien ipaċpaċ ftit iżda jaħdem ħafna.
U hekk kif temm l-omelija, għal ftit sekondi kien hemm silenzju li jtarrax sakemm dawk kollha preżenti kissru dan is-silenzju b’ċapċipa liema bħalha.