Fil-Ħamrun, din is-sena Santa Klaws ġie jżur Malta fl-eqqel tas-sajf sħun tagħha, f’attività organizzata miċ-Ċentru San Franġisk.
Din l-inizjattiva tagħmel parti mill-klabb li jorganizza l-istess ċentru matul ix-xhur sajfin għal tfal parruċċani ta’ bejn l-erbgħa u l-ħdax-il sena.
L-attivitajiet tul is-sajf isiru wkoll bl-għajnuna taż-żgħażagħ tal-Ġifra, Franġiskani, li jqattgħu l-ħin jorganizzaw attivitajiet li jattiraw il-parteċipazzjoni u l-entużjażmu taż-żgħar li jattendu.
‘Santa in Summer’, kif issemmiet l-attività, kienet miftuħa għal dawk kollha interessati u li ma jkunux laħqu post għall-klabb ta’ matul is-sajf.
Aktar dwar dan spjegalna Dun Joseph Magro, li jieħu ħsieb dan iċ-ċentru.
Qal, “Fis-sajf, it-Tlieta u l-Ħamis, darbtejn fil-ġimgħa, intellgħu dan is-Summer Club biex it-tfal ikomplu jokkupaw is-sajf imma wkoll jieħdu pjaċir anki f’ambjent li huwa sigur. Nibdew b’quddiesa imma mbagħad inkomplu sas-siegħa u nofs bl-attivitajiet ta’ pool, indoor games, crafts, cooking, dances. Illum, biex inbiddlu ftit, ridna nagħmlu ‘Santa in Summer’.”
L-entużjażmu tat-tfal preżenti spikka hekk kif ix-Xwejjaħ tal-Milied daħal fuq mutur fil-bitħa taċ-ċentru, u ftit wara beda jqassam ir-rigali.
Ftit wara, tkellimna ma’ wħud mit-tfal, li qalulna għalfejn iħobbu jattendu f’dan iċ-ċentru matul is-sajf.