Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sar ħafna xogħol, iżda għad baqa’ ħafna xi jsir.
Dan intqal mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri meta fuq il-midja soċjali wieġeb għall-kritika li qed issir fuq il-ħabs.
Il-Ministru Byron Camilleri qal kif fl-aħħar ġimgħat huwa ltaqa’ ma’ diversi persuni li għandhom opinjonijiet b’saħħithom dwar il-ħabs, li ħafna minnhom ilhom jaħdmu mal-priġunieri. Qal kif ħafna minnhom jesprimu l-opinjoni tagħhom illi l-ħabs illum huwa ferm differenti minn ftit taż-żmien ilu.Dan hekk kif bħalissa hemm aktar ordni, aktar indafa, m’hemmx droga aċċessibli, servizz ta’ saħħa b’saħħtu u iżjed professjonisti jaħdmu fil-ħabs.
Il-Ministru tal-Intern kompla jgħid kif iż-żieda tal-professjonisti saret ukoll fi żmien li fil-ħabs żdiedet b’mod qawwi l-popolazzjoni. Semma kif hemm sfida minnhom hija il-binja tal-ħabs, li fih sar ftit li xejn investiment.
Il-Ministru Camilleri semma kif realtà kruċjali hija dik ta’ persuni li huma vittmi tad-droga, b’ħafna minnhom iridu jirriabilitaw. Hawnhekk huwa qal li l-ebda riabiltazzjoni ma tagħti riżultati perfetti, iżda dejjem hemm lok li ssir aħjar.
Il-Ministru għall-Intern semma kif dan il-Gvern nieda l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-liġi tal-eletronic tagging u semma wkoll kif il-Gvern daħal fi ftehim mal-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl biex jgħinu l-familji tal-priġunieri. Huwa qal li l-Gvern jirrikonoxxi li dejjem hemm lok fejn jagħmel aktar u għalhekk kien għalhekk li nħatar bord sabiex jevalwa l-proċeduri interni tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Qal kif dan il-bord ser janalizza s-saħħa fiżika u mentali tal-priġunieri kollha u anke l-miżuri tal-ħabs għall-prevenzjoni tas-suwiċidji, fost oħrajn.
Il-Ministru Byron Camilleri temm jgħid li d-diskussjoni trid tibqa’ għaddejja bbażata skont il-fatti, b’rispett lejn l-istituzzjonijiet li jwettqu xogħolhom.