Id-deputata Laburista fil-Parlament Ewropew, Josianne Cutajar, saħqet li, kif enfasizzat fir-Rapport tal-Gżejjer u l-Politika ta’ Koeżjoni li ħadmet fuqu s-sena li għaddiet, bl-għajnuna addatta l-gżejjer jistgħu verament iservu bħala l-post fejn jiġu ttestjati soluzzjonijiet għall-innovazzjoni fil-qasam marittimu. Jistgħu wkoll iservu biex il-benefiċċji ambjentali, il-kompetittività industrijali, l-impjiegi ta’ kwalità u l-livell ta’ servizz offrut jistgħu verament jimxu id f’id.
Meta kienet qed tindirizza l-Konferenza Ewropea dwar l-Ekonomija l-Blu 2023 fi Brussell, hija qalet li l-oċeani tagħna joffru opportunitajiet mingħajr paragun għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, għall-akwakultura, u għal turiżmu kostali sostenibbli. Il-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-benefiċċji għall-komunità lokali huwa enormi.
Qalet, “Nixtieq nara lil pajjiżi li jkun anki test bed għal soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam u, għaldaqstant, fil-kumitati li nifforma parti minnhom – imma anki bħala Viċi Chairperson tal-Intergrupp SEArica għall-gżejjer u ż-żoni kostali – inħares ’il quddiem għal aktar ħidma biex nassiguraw li jkun hemm aktar opportunitajiet illi, filwaqt li nagħmlu l-qalba sostenibbli, naraw ukoll li jkun hemm aspsett kompetittiv ekonomiku usoċjali li minu jiggwadanjaw il-komunitajiet u l-industrija lokali.”
Hija semmiet il-ħidma tagħha favur l-inklużjoni ta’ fjuwils marittimi u tal-avjazzjoni sostenibbli fil-lista ta’ teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti, bl-għan li jiżdiedu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tagħhom u li jkollna trasport aktar nadif. Dr Cutajar saħqet li d-djalogu u l-kollaborazzjoni kostanti bejn is-settur pubbliku u dak privat huma kruċjali, bħalma hu l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Hija enfasizzat l-importanza li jiġu indirizzati ħtiġijiet ulterjuri, bħal soluzzjonijiet teknoloġiċi, il-kultivazzjoni ta’ ħiliet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll l-importanza li l-opportunitajiet ta’ finanzjament ikunu aktar aċċessibbli.
Qalet li jeħtieġ li ngħinu lin-negozji tagħna, b’mod partikolari lill-SMEs, mhux biss biex jegħlbu l-ostakli, iżda wkoll biex jiksbu l-potenzjal sħiħ tal-opportunitajiet li toffri l-ekonomija l-blu.