Hekk kif it-Tlieta ssokta l-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed Brandon Cachia li qal li, fl-2021, it-tfajla tiegħu, Nicole Brignone, darba qaltlu li se tiġi għalih ma’ raġel li importanti li, quddiemu, jgħid li hu l-kuġin tagħha, għax inkella joqtolhom.
Qal li hi kienet ġiet ma’ Kevin Ellul, magħruf bħala d-“Double Zero”, u introduċietu bħala dak li għamel il-bomba ta’ Daphne Caruana Galizia. Wara li qaltlu wkoll li Ellul kien qed jagħmel bomba oħra, imma din spiċċat ħaditlu fir-razzett tiegħu f’Ħal Għargħur fl-2018.
Ix-xhud fil-ġuri kompla li, f’April tal-2022, spiċċa l-Ħabs f’Division 11 fejn iltaqa’ ma’ Melchior Spiteri. Meta tkellmu dwar id-“Double Zero” u kif ipprovda l-bomba fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Spiteri qallu li għandu żball, għax li għamlu dik il-bomba hemm wieħed “Robert” akkużat li kien fl-istess diviżjoni tagħhom.
Minkejja dan, Brandon baqa’ jinsisti li kien id-“Double Zero”, għax hekk qaltlu l-għarusa quddiemu stess.
Sadanittant, fil-ġuri, xehed Melchoir Spiteri nnifsu li rrakkonta kif wara din il-konverżazzjoni ma’ Brandon Cachia mar jgħid lil Robert Agius tal-“Maksar” x’kien qallu u spiċċa laqqagħhom flimkien.
Hawn Cachia reġa’ rrepeta li Kevin Ellul id-“Double Zero” kien li ġab il-bomba. Skont Spiteri, quddiem din id-dikjarazzjoni, Robert Agius deher issummat u qallu li se jinforma lill-avukati tiegħu. Brandon Cachia wkoll qallu li lest li jixhed dan kollu taħt ġurament.
Melchior Spiteri xehed kif fil-ħabs lil Robert Agius kien jafu bħala tifel kwiet u tal-familja u dejjem beka miegħu għax kien trawmatizzat li kien il-Ħabs innoċentament.
Fis-seduta tat-Tlieta xehdet ukoll Nicole Brignone. Viżibilment imbezza’ kontinwament qalet li ma tiftakarx li qalet lil Brandon Cachia, li d-“Double Zero” kien hu li ġab il-bomba ta’ Caruana Galizia.
Tenniet li, meta bdiet toħroġ ma’ Cachia u Ellul, kellha problema ta’ saħħa mentali u problema tad-droga.
Meta xehdet quddiem l-Imħallef Edwina Grima, kontinwament bdiet twieġeb li ma tiftakarx u, għaldaqstant, ġie ordnat li tinqralha x-xhieda tagħha li tat fil-kumpilazzjoni.
Eżatt wara hi qalet li tiftakar li qalilha hekk, iżda ma tiftakarx li qalet dan kollu lil Brandon Cachia.
Fil-kumpilazzjoni hi kienet qalet li d-“Double Zero” kien qalilha li l-bomba fir-razzett ta’ Ħal Għargħur ħaditlu meta kien sejjer jagħmilha lil xi ħadd, iżda f’xhieda oħra qalet li l-bomba għamluhielu tal-“Maksar”. Fix-xhieda t-Tlieta, ftakret biss fil-verżjoni li Ellul qalilha li l-bomba fir-razzett għamluhielu tal-“Maksar”, li ma jaħmilhomx u ried jagħmilhom bomba, tant li magħha kien imur f’post fejn kienu joqogħdu biex jara ż-żona u kien jgħidilha biex jitfu l-mowbajls ħabba is-signal u jilbsu l-hoodie.
Mistoqsija mill-Imħallef Grima, Brignone qalet li ġieli marret ma’ Kevin Ellul f’garaxxijiet u ġieli rat xi splussiv. Darba wkoll kellu kilo kokaina f’garaxx minnhom, waqt li, darba minnhom, fid-dar tagħha kien ħa revolver miegħu u f’argument kien anke spara lejn saqajha, imma ma laqathiex. Xehdet kif, fid-dar tiegħu fil-Mellieħa, kellu komodina mimlija b’kull tip ta’ armi.
Brignone qalet li kienet ilha żmien twil ma tara lil Kevin Ellul u reġgħet kellmitu waqt li kienu qegħdin jistennew barra l-awla biex jixhdu.
Ix-xhieda tagħha qed tkompli dalgħodu, fejn ukoll mistenni jixhed l-istess Kevin Ellul id-“Double Zero”.