Membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista esprimew l-għadab tagħhom għall-fatt li qed jitħallew fil-għama fuq diversi temi u kwistjonijiet, fl-istess waqt li qed iħossuhom ukoll imwarrbin mit-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Dan joħroġ minn kummenti li wħud għaddew, fuq il-kundizzjoni tal-anonimità, lill-gazzetta MaltaToday wara dik li ddeskrivewha bħala laqgħa “aġitata” nhar it-Tlieta, 9 ta’ Jannar. Hawnhekk ukoll stqarrew li qamu argumenti sħan bejn bosta deputati sa mill-bidu tagħha, waqt li kien qed jagħmel l-introduzzjoni tiegħu l-Kap.
“Beda l-laqgħa billi jgħid li jeħtieġ inkunu iżjed preżenti u eqreb tan-nies,” ġie kkwotat jgħid mill-gazzetta wieħed mid-deputati. Il-MaltaToday kompliet tirrapporta li “bosta minn dawk preżenti kienu urtati għal dak li ntqal. Qed nitkellmu kontinwament u niddiskutu varjazzjoni ta’ kwistjonijiet, iżda ma nsibu l-ebda appoġġ mill-istrutturi tal-Partit.”
Il-gazzetta kompliet tirrapporta li deputat ieħor qabel ma’ tali dikjarazzjonijiet u tenna li l-Partit Nazzjonalista qed jagħżel li jiffoka fuq niċeċ partikolari li n-nies bilkemm għandhom interess fihom.
Deputat ieħor, li tkellem mal-MaltaToday, ġie kkwotat jgħid li l-Partit fl-Oppożizzjoni jidher li hu maqtugħ minn kwistjonijiet aktar importanti, xi ħaġa li qed tagħmillu ħsara politika.
“Minn perspettiva purament politika, irridu nkunu f’kuntatt u konxji ta’ dawn il-kwistjonijiet u nibdew nitkellmu iżjed dwarhom, inkella ma nistgħux inkunu eletti,” qal Deputat ieħor Nazzjonalista.