F’intervista fil-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar kif ġie iffirmat il-kuntratt sabiex pajjiżna jibda jqassam il-mediċina ekwivalenti għax-Xarelto.
Waqt l-intervista id-Deputat Prim Ministru tenna, “Din il-ġimgħa ġie ffirmat il-kuntratt wara proċess ta’ tender biex il-Gvern jibda jġib il-mediċina u jpoġġiha fuq il-formolarju u jqassamha mingħajr ħlas illi hija ekwivalenti tax-Xarelto. Iġifieri aħna għandna eluf ta’ pazjenti illi biex iraqqu d-demm għandhom bżonn il-mediċina illi hija x-Xarelto.”
Din il-mediċina sal-lum kienet qed tiswa lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin bejn ħamsin u sebgħin ewro fix-xahar, fejn issa din se tibda tingħatalhom b’xejn.
Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll kif bħalissa għaddejja ħidma sabiex fix-xhur li ġejjin jidħlu b’xejn il-mediċini tal-IVF u l-Ostjoporożi.
Chris Fearne tkellem ukoll dwar is-saħħa mentali u l-investiment li qed isir mill-Gvern sabiex il-pazjenti jingħataw l-aqwa u l-aħjar kura ‘l barra minn Monte Karmeli.
Fil-fatt, dwar is-servizz ġdid għall-kura tas-saħħa mentali li jmur dirett fid-djar tal-pazjenti, huwa qal li dan diġà qed juri li se jkun ta’ suċċess.
Fearne, tenna, “Dawn ħdax-il persuna f’temp biss ta’ ħmistax tajnihom is-servizz fid-dar tagħhom mingħajr ma kellhom għalfejn jidħlu fl-Isptar tal-Psikjatrija. Iġifieri dan huwa servizz illi jidher li se jkun ta’ suċċess kbir u allura nkomplu nnaqqsu l-ħtieġa li jidħlu fl-Istar Monte Karmeli.”