Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jiġu ingaġġati 150 infermier fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
Huwa ħabbar dan f’kollegament telefoniku waqt il-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio s-Sibt filgħodu.
“Sal-aħħar ta’ dan ix-xahar jew l-aktar l-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu se nkunu qed nimpjegaw mal-150 nurse ġdida fis-servizzi tas-Saħħa tagħna li din se tagħti imbuttatura qawwija biex innaqqsu l-waiting lists, biex inkomplu nżidu s-servizzi tagħna,”
Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru tenna kif Malta tagħmel parti minn grupp ta’ pajjiżi dinjin li tant kemm għandhom sistema ta’ saħħa avvanzata u dejjem qed tespandi li dejjem ikun hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema f’dan il-qasam.
“Qabel konnha ngħidu li pajjiżi li għandhom sistemi tas-saħħa żviluppati ma hemmx problemi, pajjiżi fejn is-sistema tas-saħħa mhux żviluppata għandhom bżonn aktar staff. Fil-verita qed jiġri bil-maqlub. Dawk il-pajjiżi li għandhom sistemi tas-saħħa żviluppati tant qed jespandu s-servizzi li mhux inlaħħqu biex inħarrġu biżżejjed nies.”
Intant id-Deputat Prim Ministru waqt l-intervent tiegħu fakkar ukoll kif ftit tal-jiem ilu mal-għaxart elef anzjan u anzjana setgħu jibdew igawdu minn mediċina oħra b’xejn.
Mediċina li se tieħu post il-mediċina Xarelto jew Rivaban u li se tħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies biex b’hekk twettqet wegħda elettorali oħra fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid.